STANDARDS GĦAR-RESIDENZI GĦAL PERSUNI B'DIŻABILITÀ - SEMINAR KONSULTATTIV
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana indirizzaw Seminar Konsultattiv dwar l-Istandards għar-Residenzi għal-Persuni b'Diżabilità organizzat mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanita Attiva.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia spjega dwar kif sa ftit taż-żmien ilu kien hu stess li ħadem sabiex ikun hemm ftehim bejn il-MEPA u l-KNPD biex l-applikazzjonijiet li jsiru jiġu simplifikati.
Il-Ministru Farrugia qal li flimkien mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana issa sar ftehim sabiex dawk il-Periti li huma speċjalizzati fil-qasam tad-Diżabilita` u fl-istess ħin ifittxu l-interess tal-persuni b'diżabilita`, se jkunu jistgħu jmorru fuq is-sit tal-kostruzzjoni u jimmodifikaw ix-xogħol mingħajr ma jagħmlu applikazzjoni kull darba. Michael Farrugia fisser ukoll kif wara li jsir dan ix-xogħol, il-Perit imbagħad ikollu l-obbligu li jinforma lill-MEPA b'dawk l-emendi li jkunu saru fuq id-disinn oriġinali.
Michael Farrugia tkellem ukoll dwar l-ispinta li teżisti bħalissa fuq binjiet għal persuni b'diżabilita`, kemm fuq postijiet tal-Gvern kif ukoll dawk privati. Huwa qal li kien f'dan l-ispirtu li issa wasal iż-żmien li jitressqu l-istandards li jirregolaw djar għal-persuni b'diżabilita`, kemm għal dawk li għandhom problema ta' mobilta` kif ukoll għal persuni 'intellectually impaired'.
Il-Ministru Farrugia qal illi minn meta ġew imnedija dawn l-istandards għad-diskussjoni pubblika kien hemm rispons qawwi minn diversi setturi. Dan kollu seħħ fl-ispirtu ta' Gvern li Jisma', fejn iċ-ċittadin ingħata il-fakulta` li jsemma' leħnu u jagħti l-opinjoni tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva qalet li dan is-Seminar konsultattiv qiegħed iservi biex is-Segretarjat Parlamentari jieħu iżjed kummenti u suġġerimenti mingħand in-nies biex fl-aħħar mill-aħħar, ikunu standards għan-nies u mingħand in-nies. Is-Segretarju Parlamentari qalet li dan is-seminar sar bl-iskop li dawn l-istandards jiġu mibnija fuq kummenti meħuda mingħand min verament iħoss il-polz ta' dan is-settur.
Dr Caruana qalet li s-Segretarjat Parlamentari identifika post biex tkun l-ewwel propjeta li tintuża bħala residenza għal-persuni b'diżabilità, hekk kif kien wiegħed dan il-Gvern. Żiedet tgħid, li dawn ir-residenzi huma mezz kif il-Gvern ser ikun qiegħed jassigura serħan tal-moħħ lill-ġenituri ta' persuni b'diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbret ukoll li fil-ġranet li ġejjin ser jibda jopera il-Guardianship Board.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041