OTTIMIŻMU KAWT FUQ IL-MOD KIF QED JIŻVILUPPA D-DIBATTITU DWAR IL-PROSEKUTUR EWROPEW
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi esprima ottimiżmu kawt li d-dibattitu dwar it-twaqqif ta’ Uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) qed jevolvi fid-direzzjoni t-tajba u li Malta ħadmet għaliha mill-bidunett. Huwa sostna li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jibqgħu mhux mittiefsa u fl-istess ħin tikber il-koperazzjoni u l-effiċjenza bejn l-iStati Membri u l-Unjoni Ewropea fuq kawżi kriminali relatati ma’ fondi Ewropej.
Huwa u jipparteċipa f’laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea (JHA) fil-Lussemburgu Bonnici spjega li l-Presidenza Griega għamlet ħafna xogħol tajjeb sabiex il-mudell li jkun użat fit-twaqqif ta’ Proskutur Ewropew ma jkunx wieħed maqtugħ mill-Istati Membri imma jkun wieħed kolleġġjali ffurmat mill-Istati Membri nfushom. Mill-bidu nett, Malta saħqet li dan il-mudell igawdi minn indipendenza u imparzjalità sħiħa. Huwa wkoll esprima sodisfazzjon li l-Presidenza Taljana jidher li se tibqa’ timxi fuq l-istess triq.
Il-mudell oriġinali propost mill-Kummissjoni Ewropea kien ta’ Prosekutur Ewropew ċentrali li jiddeċiedi hu meta u kif jittieħdu proċeduri kriminali fil-konfront ta’ ċittadin fil-Qorti ta’ Malta u tal-bqija tal-Qrati fl-Ewropa fuq suspett fondat li jkun sar frodi ta’ fondi Ewropej. Il-Parlament Malti fit-23 ta’ Ottubru 2013 li għadda u 14-il Kamra oħra tad-Deputati fi ħdan id-diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea kienu ddikjaraw li dan il-mudell imur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-Kostituzzjoni tad-diversi pajjiżi membri.
Dr Bonnici spjega li fadal ħafna xogħol x’isir biex dak li esprimew id-diversi Parlamenti fl-Ewropa jiġi implimentat u Malta se tibqa’ timbotta favur mudell fejn id-direzzjoni u l-monitoraġġ ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jsiru fuq dawn it-tip ta’ reati jkunu kompetenza taż-żewġ istituzzjonijiet, jiġifieri kemm f’idejn rapprezentant Ewropew u kif ukoll f’idejn il-prosekutur Malti fi ħdan dik li qed jiġi propost li tissejjaħ “Kamra Permanenti”.
Matul il-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja gew diskussi wkoll oqsma relatati mal-privatezza tal-informazzjoni ta’ l-individwu, partikolarment wara d-deċizjoni tal-Qorti Ewropea li ddikjarat li d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data bħala nulla u bla effett u d-dritt il-ġdid irreferut bħala “d-dritt li wieħed jiġi minsi”, ir-rapport dwar id-drogi fl-Ewropa, ir-rapport dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea, d-drittijiet ta’ assistenza legali għal tfal li jkunu qed jiġu investigati fuq reati kriminali u l-koperazzjoni fil-ħidma kontra l-kriminalità fl-Ewropa.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041