IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI L-AVUKAT MICHAEL FALZON, FLIMKIEN MAL-ISTAFF TAS-SEGRETARJAT TIEGĦU, ILLUM INGĦAQDU MAL-IMPJEGATI TAL-MEPA BIEX JAGĦTU D-DEMM, FL-OKKAŻJONI TAL-WORLD BLOOD DONOR DAY, LI SE TKUN IMFAKKRA
Is-Segretarju Parlamentari l-Avukat Michael Falzon, flimkien mal-istaff tas-Segretarjat tiegħu, illum ingħaqdu mal-impjegati tal-MEPA biex jagħtu d-demm. Din l-inizjattiva ttieħdet fl-okkażjoni tal-World Blood Donor Day, li se tkun imfakkra nhar is-Sibt 14 ta’ Gunju 2014.
L-Avukat Michael Falzon qal, li l-bżonn tad-demm qiegħed dejjem aktar jiżdied, minn sena għall-oħra, u ħafna pazjenti madwar id-dinja m’għandhomx il-faċilita’ li jsibu d-demm disponibbli kull meta jkollhom bzonn. Huwa kompla jgħid li t-tema magħżula għall-WorldBlood Donor Day ta’ din is-sena hija “Safe blood for saving mothers”. L-għan wara din il-kampanja huwa sabiex jiżdied l-għarfien tal-importanza li jkun hemm dejjem ħażna ta’ demm li tkun suffiċjenti għall-kazi u l-emerġenzi kollha li jinqalgħu, speċjalment fejn jidħlu nisa li jkollhom bżonn għoti ta’ demm waqt il-ħlas.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar l-iskop li għalih tiġi organizzata kull sena din il-ġurnata ddedikata lid-donaturi tad-demm. Dan għaliex din l-okkażjoni, barra milli żżid l-għarfien tal-importanza tad-donazzjoni tad-demm, issir ukoll bħala ringrazzjament lid-donaturi kollha ta’ madwar id-dinja, għall-gest nobbli li jkunu qegħdin jagħmlu meta jagħtu d-demm.
L-Avukat Michael Falzon ikkonkluda billi faħħar l-inizjattiva li ħadet il-MEPA, flimkien mal-istaff tagħha, sabiex torganizza din l-attivita’ fil-bini tal-MEPA stess. Huwa kompla billi heġġeġ lill-pubbliku in ġenerali sabiex ikun dejjem ġeneruz fl-għoti tad-demm, matul is-sena kollha, biex b’hekk il-ħazna tad-demm qatt ma tkun nieqsa, u l-pazjenti dejjem isibu l-għajnuna immedjata.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041