INVESTIMENT TA’ NOFS MILJUN EWRO FIT-TISBIĦ TAL-ORACLE CASINO
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għal kompetittività u t-tkabbir ekonomiku Dr. José Herrera, inawgura uffiċjalment l-Oracle Casino wara xogħol ta’ tisbiħ b’investiment ta’ nofs miljun ewro mill-kumpanija Tumas Gaming.
Il-Ministru Cardona qal li l-kumpanija Tumas Gaming matul is-snin għarfet ittejjeb u toffri servizzi ġodda lill-klijenti tagħha u l-inawgurazzjoni tal-lum hija pass ieħor fis-suċċess tal-kumpanija, li llum t’opera f’pajjiżna 2 Casinos.
“Wieħed ma jistax jinjora il-kontribut siewi li din il-kumpanijja tagħti, mhux biss lil-ekonomija permezz tal-miljuni ta’ Ewro li tiġġenera f’pajjiżna kull sena, iżda wkoll għaliex tħaddem numru sostanzjali ta’ ħaddiema f’setturi differenti” saħaq il-Ministru Cardona.
Dr. Chris Cardona tkellem ukoll dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-manipulazzjoni ta’ kompetizzjonijet Sportivi, fejn assigura lill-operaturi, li l-Gvern Malti se jkompli jħares l-interessi ta’ dan is-settur u jirrezisti dawk l-aspetti li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-industrija.
“Din l-industrija tgħati kontribut sinifikanti lill-ekonomija u l-intenzjoni tal-Gvern hija dik li jkompli jsaħħaħ il-pozizzjoni ta’ pajjiżna fis-settur u jkompli jirrezisti deċizjonijiet, anke fuq livell ewropew, li jistgħu jkunu ta’ theddida għal interess tal-operaturi lokali u tal-ekonomija Maltija” qal il-Ministru Cardona.
Dwar dan is-suġġett tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari José Herrera, li tenna l-impenn tal-Gvern li jara lil din l-Industrija tikber b’mod responsabli. Qal li l-Gvern Malti qed jaqbel mal-għanijiet proposti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni ta` Kompetizzjonijiet Sportivi imma mhux qed jaqbel mad-definizzjoni ġdida li l-istess konvenzjoni trid idaħħal fuq l-imħatri fil-kompetizzjonijiet sportivi.
“Aħna nħossu li d-definizzjoni imposta fuq l-imħatri fl-isports tmur lil hinn minn dawn l-objettivi filwaqt li l-istess definizzjoni tista’ tippreġudika l-qagħda ta’ pajjiżna. Dan kollu qed ngħidu għaliex l-pozizzjoni tal-Gvern Malti hija dik li jsostni lil din l-industrija filwaqt li jiffaċilita t-tkabbir responsabli tagħha”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera tenna l-impenn tal-Gvern li jara l-industrija tiżviluppa. “L-inawgurazzjoni ta’ dalgħodu hija prova ċara ta’ dan kollu”, qal is-Segretarju Parlamentari. Huwa qal li l-okkazzjoni tal-lum qed tara l-introduzzjoni ta’ tagħmir ta’ logħob ġdid li se jkun disponibbli għal ġugaturi sottoskritti ma’ Oracle Casino’ kif ukoll ma’ The Casino at Portomaso.
Il-parteċipazjoni fuq sports betting f’dawn il-Casinos se ssir permezz ta’ tagħmir li ġie spezzjonat u approvat mir-Regolatur tal-Logħhob u l-Lotteriji. Dan it-tagħmir ta’ logħob huwa kopert mill-liċenzja tal-Casinos li għandhom dawn iż-żewġ stabbilimenti li jiffurmaw parti minn Tumas Gaming.
“Permezz ta’ dan it-tagħmir ġdid, il-ġugaturi issa se jgawdu minn portafoll iktar estensiv ta’ logħob f’ambjent modern, irregolat u fejn il-proċeduri għal logħob responsabbli huma għad-dispożizzjoni tagħhom” qal is-Segretarju Parlamentari.
L-inawgurazzjoni kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Gaming is-Sur Yorgen Fenech u l-Kap Ezekuttiv tal-Awtorita’ tal-Logħob u l-lotteriji s-Sur Joseph Cuschieri.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041