FL-OKKAŻJONI TA' JUM L-AMBJENT: TFAL ŻGĦAR JGĦIDU TAGĦHOM DWAR L-AMBJENT LILL-MINISTRU BRINCAT FL-UFFIĊĊJU TIEGĦU
Fl-okkażjoni ta' Jum l-Ambjent li jaħbat għada, għadd ġmielu ta' tfal żgħar mill-iskola primarja tal-Kulleġġ ta’ San Ġorġ Preca qalu x’jaħsbu huma dwar l-ambjent f'laqgħa informali li kellhom mal-Ministru tal-Ambjent, Leo Brincat, fl-uffiċċju tal-Ministeru tiegħu f’Santa Venera.
Min bil-wieqfa, min mixħut mal-art u min bil-qiegħda fuq sufan, it-tfal wieġbu għall-istedina tal-Ministru nnifsu li jgħidu x'kienu jagħmlu li kieku kienu huma Ministru tal-Ambjent ta' pajjiżna, xi jfisser l-ambjent għalihom, kif skont huma xi Maltin qegħdin jonqsu lill-ambjent b'għemilhom, kif ukoll x'jemmnu b'futur aħjar fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa ambjentali.
Wara huma ngħataw preżentazzjoni dwar l-iskema 34U u ġew murija kif isir is-seed potting fil-ġnien tal-Ministeru, fejn anki attendew għal xi logħob organizzat mill-WasteServ, fejn kien hemm preżenti wkoll Batterina.
Il-Ministru Brincat qal li jemmen li kien jagħmel aktar sens li jingħata leħen lit-tfal żgħar dwar l-ambjent lejlet Jum l-Ambjent, milli wieħed jimxi mat-tradizzjoni stabbilita li joħroġ sempliċi stqarrija biex ifakkar dan il-jum important. Huwa kompla jgħid li ma kienx ser joqgħod jistenna sena oħra tgħaddi biex ikollu laqgħat oħrajn simili fejn jistieden tfal żgħar biex iżuruh ħalli jaqsmu l-ideat tagħhom miegħu.
Il-Ministru Brincat ikkonkluda billi qal li din is-sena l-Ġnus Magħquda permezz tal-UNEP kienet għażlet bħala tema għall-Jum l-Ambjent: Raise Your Voice, Not The Sea Level sabiex filwaqt li tħeġġeġ lin-nies jsemmgħu leħinhom aktar, tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li nħarsu lejn it-tibdil tal-klima li jekk ma nieħdux azzjoni dwarha, jista’ jkollha impatt negattiv ħafna fuq għadd ta' pajjiżi fosthom gżejjer bħal tagħna li huma mdawrin bil-baħar.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041