Left arrow Go Back

IL-GVERN KOMMESS LI JKABBAR L-INDUSTRIJA TAL-LOGĦOB F’PAJJIŻNA – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U T-TKABBIR EKONOMIKU JOSÉ HERRERA

pr141253
Date Icon 03/06/2014

Aktar kmieni llum is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Dr José Herrera, iltaqa’ mal-Ministru Ingliż Helen Grant, li fost l-oħrajn hija responsabbli mill-industrija tal-gaming fl-Ingilterra.

Is-Segretarju Parlamentari appella lill-Ingilterra biex fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri fil-Kunsill tal-Ewropa tappoġġja lill-Malta fil-proposti illi qed tagħmel dwar definizzjoni ġdida li l-Konvenzjoni dwar il-Manipulazzjoni ta’ Kompetizzjonijiet Sportivi trid iddaħħal fuq l-imħatri (betting) fil-kompetizzjonijiet sportivi. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li filwaqt li Malta taqbel mal-għanijiet ta’ dak propost f’din il-Konvezjoni, tħoss li d-definizzjoni imposta fuq l-imħatri fl-isports (sports betting) tmur lil hinn minn dawn l-objettivi, filwaqt li l-istess definizzjoni tista’ tippreġudika l-qagħda ta’ pajjiżna.

Il-pozizzjoni ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni fuq il-manipulazzjoni fil-kompetizzjonijiet sportivi

Fit-18 ta’ Ġunju li ġej, il-Kunsill tal-Ministri fil-Kunsill tal-Ewropa ser jiltaqa’ biex jiddeċiedi fuq it-test finali tal-Konvenzjoni dwar il-manipulazzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-isports. Malta taqbel mal-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni li prinċiparjament huma intiżi li jikkumbattu l-manipulazzjoni u l-frodi fl-isports. Madanakollu għandha r-riservi tagħha fuq ċertu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-objettivi u l-iskop tal-Konvenzjoni.

Il-Konvenzjoni qed tipproponi li l-imħatri llegali fl-isports għandhom jiġu mifhuma bħala dawk l-imħatri li mhumiex regolati mil-liġi tal-pajjiż tal-konsumatur. “B’hekk jekk din id-definizzjoni tidħol fis-seħħ tista’ taħdem kontra l-operatur (sports betting operators) liċenzjat f’Malta minkejja li f’Malta l-operaturi tal-e-gaming huma skrutinati u regolati mill-Awtorità tal-Logħob u l-Lotterija”, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li pajjiżna dejjem kien konsistenti dwar l-oġġezzjoni tiegħu fuq din id-dispożizzjoni, tant li f’Jannar tal-2014 m’appoġġjax id-definizzjoni kif proposta u għamel riżerva kontriha. Qal ukoll li fil-laqgħa tal-istanding committee fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li saret f’Baku nhar it-23 ta’ Mejju, Malta resqet proposti biex fost l-oħrajn tiġi emendata din id-dispożizzjoni. Din il-proposta ma ġietx aċċettata bi 15–il vot kontra u 11–il vot favur.

Fil-laqgħa mal-Ministru Ingliż, huwa talabha biex twassal il-messaġġ ta’ pajjiżna biex l-Ingilterra tagħraf li d-definizzjoni kif inhi bħalissa tal-imħatri llegali fl-isports tmur lil hinn mill-objettivi tal-Konvenzjoni.

Fl-istess laqgħa huwa radd ħajr lill-Ministru Ingliż li, bħal Malta, l-Ingilterra qed tappoġġja l-argument li l-Unjoni Ewropea m’għandix tfittex li tarmonizza ċertu aspetti tar-regolamenti fl-imħatri (betting) permezz ta’ strumenti addottati minn barra l-UE u li strettament m’għandhom l-ebda relevanza għall-industrija tal-logħob.   

Relevanza Ekonomika

L-industrija tal-imħatri (betting industry) f’pajjiżna, li hija regolata mil-LGA, tikkontribwixxi għal parti sostanzjali mill-ekonomija tagħna. 

Jirriżulta li fl-aħħar tas-sena 2013, is-settur tal-imħatri f’pajjiżna kkontribwixxa għal madwar 6% tal-GDP. Dan is-settur jagħmel parti mill-industrija tal-logħob tal-azzard li bħalissa jammonta għal madwar 11% tal-GDP tagħna.

Fl-2013, it-taxxa fuq id-dħul mill-imħatri online f’pajjiżna permezz ta’ kumpaniji reġistrati f’pajjiżna kien ilaħħaq il-€11.5 miljun, jiġifieri 52% tad-dħul li daħħal pajjiżna mill-industrija tal-logħob.

Is-Segretarju Parlamentari tenna l-pożizzjoni tal-Gvern Malta li jsostni lil din l-industrija, filwaqt li jiffaċilita t-tkabbir tagħha.

Waqt il-laqgħa mal-Ministru Ingliż, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-LGA, is-Sur Joseph Cuschieri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow