“POTENZJAL GĦALL-WASTESERV F'GĦAWDEX JEKK KULĦADD JAGĦTI SEHMU” - IL-MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA LEO BRINCAT U L-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX ANTON REFALO
Fi tmiem jum sħiħ ta' ħidma f'Għawdex li fiha l-Ministru Leo Brincat, li kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, kellu bosta żjarat u taħdidiet, fejn fosthom żar l-impjanti u l-uffiċini tal-WasteServ u kellem lill-media preżenti fl-impjant tal-WasteServ f'Tal-Qortin.
Il-Ministru Brincat qal li l-proġett il-ġdid tal-WasteServ f'Tal-Kus huwa wieħed importanti għal Għawdex għaliex l-iskart ser ikun ippakjat taħt l-art u mibgħut Malta fl-aktar mod ambjentalment xieraq. Il-proġett sejjer jindirizza wkoll materjal riċiklat u dan ser jiġi imballat ġewwa Għawdex. La jitlesta dan il-proġett huwa maħsub li jkun hemm area magħluqa mingħajr trabijiet, riħ jew boroż tal-plastik itiru bħal fil-każ ta' Tal-Qortin.
Minħabba varjazzjonijiet dovuti għat-tibdil varju fl-ippjanar tal-proġett fis-snin tal-imgħoddi, il-WasteServ qiegħda tistenna l-approvazzjoni tal-allokazzjoni ta' fondi addizzjonali. Huwa mistenni li x-xogħol innifsu fuq il-proġett jibda fil-ġejjieni qrib.
Il-Ministru Brincat qal li x-xogħol ġewwa Tal-Qortin miexi kif suppost b'ħafna mill-capping u landscaping kważi lest. Anki hawnhekk kien hemm varjazzjonijiet minn dak oriġinarjament maħsub li jintefaq fuq il-proġett. Huwa ppjanat li kemm-il darba l-proġett ta' Tal-Kus jitlesta, dak Tal-Qortin jingħalaq.
Il-Ministru Brincat saħaq li jekk kulħadd, inklużi l-ħaddiema nfushom, jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom, hemm potenzjal għall-WasteServ ġewwa Għawdex. Iżda l-Gvern mhux ser jittollera rapporti ta’ nuqqas ta’ dixxiplina, skartar u anki sick leave eċċessiv, għalkemm fiduċjuż li dawn diġà qed jiġu indirizzati.
Il-Ministru awgura wkoll li tkompli tikber l-kooperazzjoni bejn il-WasteServ u l-Kunsilli Lokali.
Il-Ministru għal-Għawdex Anton Refalo tkellem dwar il-potenzjal tal-WasteServ f’Għawdex. Hu qal li l-proġett tal-Kus fix-Xewkija huwa proġett importanti u se jkollu impatt tajjeb fuq il-gżira Għawdxija. Proġett ibbażat fuq il-prinċipji ta’ gżira ekoloġika.
Il-Ministru Refalo saħaq għal aktar koperazzjoni bejn il-WasteServ u l-kunsilli lokali u rringrazzja lill-Ministru Brincat. Huwa qal li jħares ‘l quddiem għal aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ ministeri għall-ġid tal-gżira Għawdxija.
F'taħdidiet li kellu mal-Ministru ta' Għawdex, il-Ministru Brincat qal li wieħed għandu jesplora flimkien mal-awtoritajiet kompetenti li d-Dwejra u l-Azure Window jiġu żviluppati f'Geopark filwaqt li b'għajnuna anki barranija jsir monitoraġġ tal-qagħda tal-Azure Window innifisha.
Iż-żewġ Ministri tkellmu wkoll dwar il-ħtieġa li l-ħarsien tal-ambjent għandu jintuża biex jiġbed aktar nies lejn Għawdex, filwaqt li għanda ssir kampanja edukattiva mmirata għal-Għawdex dwar kif jista jissaħħaħ l-immaniġġjar tal- iskart.
Il-Ministru Brincat aċċetta t-talba tal-Ministru għal Għawdex sabiex il-Ministeru tiegħu jagħti għajnuna teknika fl-implimentazzjoni min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex fi proġetti u inizjattivi ta’ żvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Brincat żar kemm l-Azure Window innifisha kif ukoll l-uffiċini tal-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn iltaqa’ mal-ħaddiema, b'mod partikulari, dawk tad-Direttorat ambjentali, fejn qalilhom li dawk l-aspetti ambjentali Għawdxin, speċjalment dawk li huma differenti minn ta' Malta, għandhom jiġu protetti u kkurati għall-ġid tal-Għawdxin stess.Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041