10% TAL-FONDI STRUTTURALI 2014-2020 SER IKUNU INVESTITI B’RISQ IL-GŻIRA GĦAWDXIJA.
Fit-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-programmi operattivi li ser ikunu qed ikopru l-perjodu finanzjarju Ewropew 2014-2020 ġewwa Għawdex, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg, qal li din l-amministrazzjoni sejra tassigura li 10% tal-Fondi Strutturali 2014-2020 ikunu investiti b’risq il-Gzira Għawdxija.
Dr Borg stqarr li dawn l-10% tal-Fondi Strutturali għal Għawdex ser ikunu investiti b’mod orizzontali fuq kull prijorita` identifikata għas-seba’ snin li ġejjin. Dan ifisser li għall-futur Għawdex ser jibbenefika:
· Minn aktar skemi favur min iħaddem.
· Minn għajnuna għal min ser jinvesti fis-settur tal-agro-turiżmu.
· Minn titjib fl-infrastruttura tat-toroq u l-portijiet f’Għawdex.
· Minn aktar investiment kapitali kif ukoll uman fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni għar-rigward il-programmi operattivi ġie mniedi permezz ta’ laqgħa bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-bidu ta’ dan ix-xahar fejn ġie diskuss u maqbul il-qafas li bih ser jiġu mwettqa dawn il-programmi operattivi. Dan il-qafas mbagħad ġie wkoll ippreżentat lill-imsieħba soċjali waqt laqgħa tal-MCESD, fejn intwera qbil dwar il-prijoritajiet elenkati.
Fl-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika quddiem attendenza sabiħa ta’ rappreżentanti ta’ NGO’s, entitajiet governattivi u persuni interessati tħabbar b’mod uffiċjali kif ser jiġu mqassma is-€717-il miljun tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020. Fil-fatt f’din il-laqgħa ġew mqassma wkoll id-dokumenti mfassla lill-pubbliku inġenerali. Il-persuni interessati li jiksbu kopja ta’ dawn id-dokumenti jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu użu mis-sit www.eufunds.gov.mt
Dr Borg fl-intervent tiegħu ħeġġeġ lill-pubbliku jikkontribwixxi f’din il-konsultazzjoni pubblika sabiex niżguraw li bil-kontribuzzjoni ta’ kulħadd, fis-seba’ snin li ġejjin ikollna skemi u sejħiet li jirriflettu eżattament l-aspirazzjonijiet tal-pubbliku inġenerali.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li l-pubbliku inġenerali għandu ċans jibgħat il-kontribuzzjonijiet tiegħu sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Ġunju 2014 billi jibgħat e-mail fuq info.eufunds@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041