IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI CHRIS AGIUS U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA JIPPREŻENTAW PREMIJIET WAQT SPORTS DAY ANNWALI ORGANIZZATA MILL-PHRF
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iz-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ippreżentaw premijiet waqt l-Isports Day Annwali organizzata mill-Physically Handicapped Rehabilitation Centre.
Iż-żewġ Segretarji Parlamentari ġew mdawra maċ-ċentru ta’ Rijabilitazzjoni f'Kordin u żaru esebizzjoni ta' xogħlijiet li jsiru matul il-Jum f'dan iċ-ċentru. Iż-żewġ Segretarji Parlamentari ġew ukoll regalati oġġetti maħduma mill-persuni li jattendu l-istess ċentru.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius tkellem dwar il-Kumitat Organizzattiv li se jitwaqqaf bejn iż-żewġ Segretarjati. Spjega li dan il-kumitat se jkun qiegħed jorganizza attivitajiet sportivi fuq bażi regolari biex tingħata spinta lill-isport għall-Persuni b’Diżabilità f'pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana nkorraġġiet lill-membri f’dan iċ-ċentru biex ikomplu jieħdu sehem f’attivitajiet tal-isport kif ukoll biex ikomplu jiżviluppaw it-talenti differenti tagħhom. Żiedet tgħid li s-Segretarjat Parlamentari li tmexxi hi jirrikonoxxi dawn l-abbiltajiet varji u qiegħda taħdem sabiex dawn l-abbiltajiet jiġu iżjed murija pubblikament. Faħħret ukoll ix-xogħol ta' dan iċ-ċentru li kien l-ewwel ċentru għall-persuni b'diżabilità mwaqqaf f'pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041