IL-MINISTRU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI HELENA DALLI TEMFASIZZA L-IMPORTANZA LI L-EWROPARLAMENTARI MALTIN IŻOMMU KUNTATT DIRETT MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Il-MEUSAC jospita għall-ewwel darba wħud mill-MEPs il-ġodda eletti fil-jiem li għaddew
F’laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC u li għaliha kienu preżenti għall-ewwel darba tlieta mis-sitt ewroparlamentari li kienu eletti fl-elezzjonijijet tal-Parlament Ewropew tal-ġimgħa l-oħra, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli emfasizzat il-ħtieġa li l-Ewroparlamentari Maltin iżommu kuntatt dirett mal-MEUSAC li jinkludi fih rappreżentanza wiesa’ tas-soċjetà ċivili.
Hija semmiet l-importanza li l-MEPs iżommu lilhom infushom infurmati b’dak li jkun qed jiġi diskuss fi ħdan il-MEUSAC li fost l-oħrajn jospita lill-Prim Ministru darbtejn f’sena qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.
Il-Ministru Dalli appellat lill-Ewroparlamentari biex ikunu proattivi u jtellgħu fuq l-aġenda tad-diskussjoni tal-MEUSAC materji relatati mal-UE b’relevanza nazzjonali li jħossu li għandhom jingħataw importanza.
Fl-ewwel intervent pubbliku uffiċjali, l-Ewroparlamentari Laburista Dott. Miriam Dalli qalet li se tkun impenjata li żżomm kuntatt regolari mas-soċjetà ċivili sabiex issir taf mingħandhom dawk il-materji li jolqtuhom mill-viċin.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Dott. Alfred Sant semma’ l-importanza li wieħed ikun iffukat dwar x’inhu l-interess nazzjonali, fl-istess ħin li qal li se jkun qed iressaq proposti dwar kif ċertu materji bħall-biedja jistgħu jiġu trattati b’mod differenti fil-Parlament Ewropew.
L-Ewroparlamentari Nazzonalista Therese Comodini Cachia tkellmet fuq l-importanza li jkun hemm komunikazzjoni diretta bejn l-Ewroparlamentari u l-membri tal-MEUSAC li tgħin biex jiġi influwenzat it-tfassil tal-leġiżlazzjoni qabel ma ssir fil-Parlament Ewropew.
Il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb issuġġerixxa li l-membri tal-Core Group jesprimu wkoll il-veduti tagħhom dwar is-sehem tal-MEPs fil-kumitati tal-Parlament Ewropew, kumitati li fihom issir il-ħidma ewlenija tal-Parlament u li se jiġu ffurmati fil-ġranet li ġejjin. Qal li fil-futur qrib għandha ssir laqgħa oħra u li għaliha jkunu jistgħu jattendu s-sitt MEPs biex jiġi deċiż l-aħjar mod ta’ kollaborazzjoni fis-snin li ġejjin.
Fir-reazzjonijiet tagħhom, il-membri preżenti qajmu diversi punti fosthom il-kontribut tal-MEPs Maltin biex l-UE tibqa’ valida bħalma kienet meta bdiet, li dawn ikunu vuċi waħda biex tinżamm il-kredibilità, id-disponibilità tagħhom għall-imsieħba soċjali u ż-żamma ta’ kuntatt regolari, l-enfasi tal-fatt li pajjiżna huwa gżira, l-isfida li għandha l-UE biex tkun eqreb tan-nies u l-fatt li l-MEPs għandhom jagħtu kas tan-nies u mhux biss iżommu l-pożizzjoni tal-gruppi politiċi l-kbar fil-Parlament Ewropew.
Sadanittant, il-Core Group iddiskuta wkoll dokument importanti tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Dan id-dokument jissuġġerixxi pjan ħolistiku ta’ azzjoni biex waqt li jsiru r-riformi ekonomiċi u finanzjari fi ħdan is-Semestru Ewropew, tingħata importanza lid-dimensjoni soċjali u lill-isfidi marbuta mar-riformi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol.
Waqt il-preżentazzjoni tad-dokument ġiet enfasizzata l-importanza tad-djalogu soċjali u tat-tisħiħ tas-solidarjetà mas-setturi l-iktar vulnerabbli tas-soċjetà.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041