SIMPLIFIKAZZJONI FIL-PENSJONIJIET
F’konferenza Stampa illum it-Tlieta 13 ta’ Mejju, il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali Michael Farrugia qal illi fejn qabel persuna kienet tirċievi applikazzjoni u timliha biex tapplika għall-pensjoni, kull min se jilħaq l-eta` se jirċievi avviż biex ikun mgħarraf li nfetħitlu applikazzjoni għall-pensjoni.
Din is-sistema ġdida se tibda minn nhar it-Tnejn li ġej, 19 ta’ Mejju, u tibda tgħodd għal dawk li jilħqu l-eta` minn Awwissu. Il-persuna intitolata għall-pensjoni tista’ tintalab dettalji li jistgħu jkunu nieqsa fis-sistema tad-Dipartiment, speċjalment tas-sena ta’ qabel (bħall-FS3), l-irċevuti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta` Soċjali u n-numru tal-kont bankarju fejn trid tiġi iddepożitata l-pensjoni.
Biex jitħaffef il-proċess u l-applikant ma jkollux skariġġ se jkun jista’ jagħmel dan billi jmur l-uffiċċju distrettwali jew jimposta d-dokumenti lid-Dipartiment inkella b’mod elettroniku permezz tal-eID.
Ħabbar ukoll mil-lum, li f’Ġunju li ġej hemm il-ħsieb li r-romol jibdew igawdu minn din is-simplifikazzjoni u għalhekk ma jkollhomx għalfejn japplikaw għall-pensjoni jekk min ikun ġie nieqes (imut) kien diġa` pensjonant.
Il-ħsieb hu li d-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali jissokta jaħdem fuq il-pjan li għandna mfassal għas-Simplifikazzjoni tal-Proċeduri, billi fix-xhur li ġejjin sa tmiem is-sena, oħrajn, fosthom persuni li jiżżewġu u soltu japplikaw għall-għotja taż-żwieġ, applikanti għall-pensjoni tal-Invalidita`, u dawk li jkollhom l-ewwel tarbija ma jkollhomx għalfejn japplikaw.
Il-Ministru sostna li dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ u bil-fatti fil-Ġustizzja Soċjali, tant li; Żamm il-wegħda li ma jgħollix l-eta` tal-irtirar; Wettaq il-wegħda elettorali li jibqa’ jagħti pensjoni sħiħa lil dawk li jagħżlu li jkomplu jaħdmu; Minn din is-sena r-romol bdew jibbenefikaw minn pensjoni sħiħa anke jekk ikunu jaħdmu;Kompla jwettaq il-miżura mibdija minn Gvern Laburista fl-1997 biex pensjonanti tas-servizzi jkomplu jibbenefikaw minn titjib fil-pensjoni taż-żewġ terzi b’mod gradwali;Tfasslet u ġiet ippubblikata Green Paper bi Strateġija Nazzjonali kontra l-Faqar u l-Esklużżjoni Soċjali; Introduċejna Supplimentari għat-Tfal ta’ €400 għal kull wieħed mill-ewwel tlitt itfal f’familja li d-dħul tagħha ma jkunx ta’ aktar minn €11,000, flimkien ma’ €200 għal kull wild ieħor fl-istess familja; il-Gvern eżenta mill-ħlas tat-taxxa tad-dħul lil dawk kollha li jaqilgħu paga minima jew pensjoni li ma taqbiżx il-paga minima; Min jaħdem part-time biss ukoll igawdi minn dan it-tnaqqis; ċ-Child Care Centres b’xejn; kienet ukoll Ġustizzja Soċjali l-miżura li ttieħdet sabiex il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma jonqsu b’medja ta’ 25% u 5% rispettivament, u hekk ħallejna aktar flus fi bwiet il-familji Maltin u Għawdxin.
Bdiet il-ħidma sabiex ikollna residenza attrezzata kif xieraq għat-tfal refuġjati mhux akkumpanjati mill-ġenituri biex ma jibqgħux jgħixu mal-immigranti irregolari adulti.
B’risq il-Persuni b’Diżabilita` il-Gvern żid l-allowance tat-tfal minn €16.31 għal €20 fil-ġimgħa; tneħħiet t-taxxa tat-trasferiment tal-proprjeta` lil persuni b’diżabilita`; kif wkoll persuna b’diżabilita` li tagħżel li taħdem ma titlef xejn mill-pensjoni minkejja l-paga li tibda tirċievi.
Dwar l-anzjani il-Ministru qal illi qed issir ħidma biex tiddaħħal sistema komputerizzata f’SVPH biex it-tobba jkollhom faċilita għall-X-Rays u r-riżultati tad-demm u hekk ikunu jistgħu jikkuraw il-pazjenti b’mod immedjat. Kif wkoll qed issir tħejjija biex isir xogħol strutturali u ta’ tisbiħ f’żewġ swali f’SVPH biex ir-residenti jkunu aktar komdi jgħixu fl-aħjar ambjent kif tassew jixirqilhom.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en