Left arrow Go Back

IMPENN BIEX NINVESTU FIR-RIŻORS UMAN FIL-QASAM TAS-SAĦĦA

pr141000
Date Icon 08/05/2014

“Għandna l-ħeġġa u d-determinazzjoni li nkomplu ninvestu fir-riżors uman fil-qasam tas-saħħa”. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne waqt it-tnedija ta’ recruitment drive għal infermiera li saret flimkien mal-Malta Unions of Midwives and Nurses (MUMN).

Din hija prova oħra ċara li l-Gvern huwa impenjat bis-serjetà li jaħdem mal-Unions u jemmen bis-sħiħ li l-konsultazzjoni hija s-soluzzjoni. Huma qalu li biex il-Gvern ikun jista’ jkompli joffri servizzi aħjar u fil-ħin fis-settur tas-saħħa, jirrikonoxxi li jrid isir aktar investment fir-riżors uman. Qalu li l-ewwel pass kien li jintlaħaq qbil mal-MUMN dwar il-ħtiġijiet eżistenti b'rabta mar-riżorsi umani, kif ukoll dwar kif jista’ jsir l-aħjar użu tar-riżorsi umani.

Il-Ministru għas-Saħħa Dr. Konrad Mizzi qal li l-isfida tan-nuqqas ta' infermiera nistgħu naħdmu biex intaffuha b'one team approach.

Il-Gvern se jkun qed jimxi bl-istess mod, fl-erba’ proġetti tal-akbar sfidi, li bdiet ħidma immedjata fuqhom għaliex dawn jaffetwaw il-ħajja ta’ kuljum kemm tal-pazjenti kif ukoll tal-infermiera.

Huwa qal li huwa biss flimkien u bl-għajnuna ta’ dawk kollha involuti li nistgħu naslu għal servizz ta' saħħa aħjar għall-pazjenti u dawk li jaħdmu magħhom.

Huwa appella biex din il-ħidma tibqa’ għaddejja u rringrazzja lill-infermiera u l-qwiebel u lil dawk kollha li jkollhom kuntatt mal-pazjenti, tax-xoħhol siewi li jagħmlu ta’ kulljum.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne semma’ kif il-Gvern qiegħed jieħu numru ta’ inizjattivi biex jiżdied in-numru ta’ infermiera f’dan is-settur, fosthom li b’impenn ikunu inkoraġġiti aktar żgħażagħ biex jidħlu għal din il-karriera.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li s-sejħa għal infermiera ġodda se ssir matul ix-xahar ta’ Mejju biex l-infermiera li se jigradwaw fl-2014, jidħlu direttament fil-post tax-xogħol bejn Awwissu u Settembru li ġej. Dan is-sajf, huwa stmat li madwar 163 student se jkunu qegħdin jigradwaw bħala infermiera.

Mr. Chris Fearne saħaq li l-investiment f’dan is-settur irid ikun wieħed ħolistiku u fuq quddiem nett hemm l-investiment fir-riżors uman. “Irrid inkompli nwassal il-messaġġ li hemm avvanzi kbar għal dawk li jieħdu s-settur tas-saħħa bħala l-karriera tagħhom,” saħaq Mr. Fearne. Huwa kompla jgħid li apparti li wieħed ikun jista’ jkompli jispeċjalizza f’qasam jew ieħor, ikollu s-sodisfazzjon personali li qiegħed jaħdem f’settur li jħares is-saħħa tal-pazjent.

Il-gvern qiegħed iħeġġeġ ukoll lil dawk l-infermiera li ħallew il-professjoni tagħhom matul is-snin biex jerġgħu jersqu lejn din il-professjoni. L-esperjenza u l-għarfien tagħhom hija ta’ beneficcju għall-pazjent u anke għall-infermiera ġodda f’dan il-qasam.

“Qegħdin naħdmu biex ikollna servizzi li m’humiex biss infrastrutturali imma wkoll umani. Il-viżjoni tagħna hija li jkollna futur fil-qasam tas-saħħa fejn l-infermier iħossu kburi li hu parti mill-qasam tas-Saħħa”, sostna Mr. Fearne .

Dr. Mizzi u Mr. Fearne faħħru u wrew l-appoġġ tagħhom għal din l-inizjattiva li l-MUMN tant tieħu b’serjetà. Din hija inizjattiva li turi Union proattiva, li b’dedikazzjoni ddawwar l-isfidi f’opportunitajiet ta’ xogħol.
F’din il-ġimgħa qiegħed jiġi mfakkar il-jum dinji tal-infermiera u l-qwiebel bil-għan li s-soċjetà tapprezza aktar kemm l-infermiera u l-qwiebel huma s-sinsla tas-sistema tas-saħħa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow