ILLUM JINFETAĦ UFFIĊJALMENT L-UFFIĊĊJU TAL-FOCAL POINT NAZZJONALI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’ DIŻABILITÀ
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva illum fetaħ uffiċjalment l-Uffiċju tal-Focal Point Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħabbret li dan l-Uffiċju tal-Focal Point ser ikun qiegħed bieb ma’ bieb ma’ tagħha biex tkun qegħda taħdem id f’id mal-Focal Point Nazzjonali. B’hekk, sostniet is-Segretarju Parlamentari, inkunu nistgħu niksbu l-aħjar riżultati.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li il-Focal Point Manager, is-Sur Manuel Darmanin, ser ikun inkarigat minn diversi aspetti biex joħloq pjan ta’ azzjoni biex tiġi implimentata l-konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita, li ġiet iffirmata minn Malta sentejn ilu. Apparti mill-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, dan il-Focal Point ser ikollu l-inkarigu biex jikkordina attivitajiet fuq Riżorsi Umani u Diżabilità f’ diversi ministeri u dipartimenti u dan fuq livelli differenti kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Żiedet tgħid li digà ġew maħtura persuni identifikati minn kull ministeru sabiex jaħdmu mal-Focal Point biex nassiguraw li l-konvenzjoni titħaddem u ma tibqax fuq il-karta.
“Il-focal point ser ikun qed jipparteċipa u jkollu rwol attiv fil-ħidma ta' dan is-segretarjat. Bħalissa fil-fatt flimkien għaddejjin b'eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-liġijiet preżenti u kif ukoll dawk ġodda li rridu nintroduċu biex il-konvenzjoni verament tkun għodda utli”, sostniet is-Segretarju Parlamentari
Is-Sur Manuel Darmanin qal li kif stipulat f’Artiklu 33 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità il-gvern kien obbligat li joħloq sistemi biex verament tiġi implimentata u mħarsa din il-Konvenzjoni.
“Dan l-uffiċċju ser ikun ukoll responsabbli li jikkordina attivitajiet ta’ ministeri u dipartimenti differenti li jirrigwardjaw il-persuni b’dizabilità u human rights. Attivitajiet oħra relatati ma dan is-settur kemm Nazzjonali u anki Internazzjonali ser ikunu kkoordinati minn dan l-uffiċċju”, sostna Manuel Darmanin
FILMAT:https://drive.google.com/folderviewid=0B4cElGsk3u4pcFRFV1RtLU93Nms&usp=sharing
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en