DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT IT-TNEDIJA TAL-’PEMBROKE HERITAGE PROJECT’
Dan is-sit huwa xhieda tal-karatteristiċi uniċi ta’ din iż-żona ta’ Malta. Hawnhekk ingawdu veduti mill-isbaħ tal-kampanja, tal-baħar u l-veduti kostali li joffri pajjiżna.
Dan is-sit li ġejna nżuru llum huwa tant meqjus illi ġie kklassifikat bħala wieħed mis-siti Natura 2000 ta’ pajjiżna. Illum qed nieħdu din l-okkażjoni sabiex nerġgħu nżuru dan is-sit u apparti li nqajmu aktar kuxjenza fuq dan il-patrimonju tan-natura, qed inniedu set ta’ pubblikazzjonijiet li jkopru dawn l-inħawi minn aspetti informattivi differenti.
Ta’ min jgħid li dan il-proġett beda billi sar restawr tat-torri tal-Madliena u ta’ stutturi oħrajn antiki ta’ żmien il-militar Ingliż. Saret ukoll walking/cycling track ta’ madwar 2.5 kilometru tul dan is-sit ta’ Natura 2000 (ta’ kwazi 100,000 metru kwadru) li tgħaqqad it-Torri tal-Madliena mal-Ġnien ta’ Pembroke.
Ma nistgħux ma nsemmux li dan is-sit jinsab viċin żewġ żoni ewlenin tas-settur turistiku ta’ pajjiżna. Fuq naħa nsibu ż-żona ta’ San Ġiljan, Paceville u tas-Sliema u fuq in-naħa l-oħra ż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra. Dawn huma żewġ żoni prominenti li fihom insibu diversi postijiet ta’ akkomodazzjoni, ristoranti kif ukoll postijiet ta’ divertiment u siti kulturali.
Dawn il-proġetti saru b’investiment ta’ €650,000 u kien jinkludi restawr tat-Torri tal-Madliena kif ukoll ta’ strutturi marbuta mat-Tieni Gwerra Dinjija bħar-restawr ta’ Gun Crew Shed, WWII Gun Emplacement u fougasse li hija struttura speċjalizzata ta’ natura difensiva u militari.
Fil-proġett tas-cycling/walking trail intużaw passaġġi eżistenti li kienu jintużaw mill-Forzi Armati Ingliżi biex jgħassu ż-żona. L-MTA installat ukoll diversi pannelli ta’ informazzjoni matul ir-rotta biex tenfasizza il-valur tal-flora u l-fauna ta din in-Natura 2000 site. Dawn itejbu l-esperjenza tat-turist li jżur l-inħawi u jservu biex insaħħu l-għarfien kulturali u storiku tagħna l-Maltin.
Sadanittant l-MTA, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, Nature Trust (Malta), Fondazzjoni Wirt Artna u b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, u taħt l-awspiċi tal-MEPA qegħdin jaħdmu flimkien sabiex jiġi implementat Pjan ta’ Azzjoni f’din iż-żona magħruf bħala Pembroke Garigue Heritage Project, li l-proġett tas-cycling walking trail u t-torri tal-Madliena huma parti integrali minnu.
Illum, fil-fatt qed inniedu numru ta’ pubblikazzjonijiet, fosthom:
Mappa li turi l-mixja u tagħti informazzjoni fuq is-sit;
Ktejjeb għat-turisti u viżitaturi li jagħti informazzjoni qasira fuq is-sit;
Kotba għat-tfal tal-Primarja bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti li juru s-sabiħ ta’ dan is-sit b’mod attraenti għat-tfal ta’ età żgħira; u
Ktejjeb b’artikli fid-dettal għal studenti aktar kbar li jkopru l-fawna u l-flora ta’ dan is-sit, l-istorja, l-avifawna u suġġetti oħra interessanti li jkopru dan is-sit.
Dawn il-pubblikazzjonijiet ġew ikkordinati mill-MTA flimkien ma’ Nature Trust (Malta) u Ekoskola. Kien hemm ukoll kontribuzzjonijiet minn għadd ta’ individwi u agenziji speċjalizzati fis-suġġetti varji.
Dawn il-pubblikazzjonijiet se jkunu qed jitqassmu bla ħlas fl-iskejjel, fil-lukandi tal-madwar u fl-uffiċini tal-informazzjoni.
B’dan il-proġett ħa nkunu qed nsaħħu il-prodott turistiku u storiku filwaqt li qed ninċentivaw l-isport u noffru spazju għall-mixi u s-cycling li jservi wkoll bħala spazju ieħor ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u t-turisti. B’dan il-proġett nixtieq ngħaddu l-messaġġ li l-prodott turistiku mhux biss dak li naraw fl-ibliet u fiċ-ċentri turistiċi imma jinkludi wkoll dak kollu li jsawwar dan il-pajjiż fiċ-ċokon tiegħu u fl-uniċità tiegħu.
Dan il-messaġġ għandu jitwessa’ sabiex nifhmu kemm hu importanti li nieħdu ħsieb dan il-wirt u sabiex ninkoraġġixxu lil ta’ madwarna biex napprezzawh.
Jien nistieden lill-pubbliku biex il-Ħadd li ġej jiġu propju f’dan is-sit ta’ Pembroke fejn se jkun hawn attivitajiet kontinwi għall-familja kollha.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en