IL-MINISTRU HELENA DALLI TTENNI L-IMPORTANZA TAL-INDIPENDENZA EKONOMIKA GĦALL-MARA, B’BILANĊ BEJN IX-XOGĦOL U R-RESPONSABILITAJIET TAL-FAMILJA
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa jfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tiegħu b’konferenza dwar l-importanza tal-mara fis-soċjetà
Fi ftuħ ta’ konferenza organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa biex ifakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tiegħu, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar l-avvanz tal-mara u l-kisbiet tad-drittijijet tagħha tul is-snin.
Hija faħħret l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa talli kien minn tal-ewwel li poġġa l-vjolenza kontra n-nisa fuq l-aġenda nazzjonali. Qalet li komplejna mexjin u issa għandna quddiem il-Parlament il-liġi li tirratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul li tirrigwarda l-vjolenza fuq in-nisa.
Dr Dalli saħqet fuq l-importanza tal-indipendenza ekonomika tal-mara, b’bilanċ bejn ix-xogħol u r-responsabilitajiet tal-familja. F’dan ir-rigward hija tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jżid ir-rata ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol fl-istess ħin li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Ministru Helena Dalli semmiet b’sodisfazzjon il-fatt li fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, in-numru ta’ nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol laħaq żieda rekord ta’ 3.8 punti perċentwali biex laħħaq total ta’ 47%.
Hija elenkat diversi mizuri li beda jieħu l-Gvern biex jindirizza din l-isfida fosthom is-servizz ta’ childcare b’xejn li daħal fis-seħħ dan ix-xahar flimkien ma’ dritt ta’ appell għal dawk l-impjegati tal-Gvern li jkunu ressqu talba għal xogħol b’sigħat imnaqqsa jew servizz ta’ telework.
Dr Dalli faħħret l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa li tul dawn l-aħħar ħamsin sena kien strumentali biex iwasslu politika dwar ugwaljanza bejn is-sessi, ġustizzja soċjali u l-ħarsien tal-mara kontra l-vjolenza.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en