AMBJENT AĦJAR – INVESTIMENT TA’ €25 MILJUN FL-UŻU TA’ ENERĠIJA NADIFA PERMEZZ TAL-FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
“Permezz tal-politika ta’ koeżjoni ewropea l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti favur ambjent aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa ġewwa l-Berġa ta’ Aragona fejn ħabbar allokazzjoni ġdida li tammonta €25 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Permezz ta’ din l-allokazzjoni ta’ fondi mistennija li jiġu mwettqa 14-il proġett li sejrin jippromwovu l-użu ta’ enerġija nadifa. Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn l-14-il proġett ser iservu sabiex entitajiet governattivi jinvestu f’sistemi li jiġġeneraw l-elettriku b’mod aktar effiċjenti u nadif. Għalhekk dawn l-interventi ser iservu wkoll sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-istess entitajiet.
Waqt l-istess konferenza stampa d-Direttur Ġenerali tal-Awtorità ta’ Ġestjoni responsabbli mill-immaniġġjar tal-Fondi Ewropej, is-Sur Jonathan Vassallo għamel preżentazzjoni dwar kull proġett. Huwa ta dettalji dwar kull proġett li wħud minnhom jinsabu hawn taħt:
- L-Università ta’ Malta ser tkun qed twettaq 3 proġetti b’valur ta’ madwar €6 miljun li €4.7 miljun minnhom ser jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. B’dawn il-proġetti l-Università ser tkun qed tibni laboratorju ġdid għar-riċerka fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku permezz tax-xemx, kif ukoll ser tinstalla panelli fotovoltaijiċi u bozoz LED f’diversi binjiet tal-Università.
- Il-Kunsill Malti għall-Isport ser ikun qed iwettaq proġett sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku ġewwa l-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq filwaqt li tiġi installata pompa ġdida li ser tkun qed issaħħan il-pixxina fix-xitwa. Dan il-proġett b’valur ta’ madwar €1 miljun , 30 fil-mija minnu ser ikun iffinanzjat minn fondi ewropej.
- Il-Korporazzjoni tal-Ilma permezz ta’ din l-allokazzjoni ta’ fondi ser tkun qed twettaq proġett b’valur ta’ madwar €18.6 miljun li €9 miljuni minnhom ħa jkunu koperti permezz ta’ Fondi Ewropej. B’dan il-proġett il-korporazzjoni tal-ilma sejra tinvesti f’infrastruttura li għandha tnaqqas l-ammont ta’ karbonju li hija tiġġenera biex tħaddem id-diversi impjanti li għandna madwar il-gżejjer Maltin.
- Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma ser ikun qed iwettaq 5 proġetti b’valur ta’ aktar minn €15-il miljun li €13-il miljun ser jiġu ffinanzjati permezz ta’ Fondi Ewropej. Dan il-Ministeru permezz ta’ dawn il-fondi ser ikun qed iwettaq studju sabiex janalizza diversi modi ta’ kif jista’ jiġi ġġenerat l-elettriku b’mod aktar effettiv fid-dar tal-anzjani St. Vincent de Paul. Proġett ieħor minn dan il-Ministeru ser ikun qed jinstalla sistemi aktar effiċjenti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ġewwa St. Vincent de Paule kif ukoll ġewwa l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi. Il-Ministeru ser jinvesti wkoll f’żewġ proġetti pilota ġewwa Għawdex u Malta fejn ser jiġu installati għall-ewwel darba dwal tat-toroq li jaħdmu b’sistema intelliġenti.
List of Approved Projects.pdf
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en