IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA JŻUR IR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL
Fl-ewwel żjara tiegħu llum l-Erbgha 16 ta’ April, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana iltaqgħu mal-Amministrazzjoni u r-residenti ta’ San Vinċenz.
Il-Ministru Farrugia tkellem fuq l-importanza li jrid jingħata lejn il-qasam tal-anzjani biex dawn jibqgħu attivi, anzi aktar minn hekk biex jibqgħalhom skop fil-ħajja. Qal wkoll li hemm il-bżonn illi dan jinċentiva lill-anzjani biex jibqgħu jgħixu u jibqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà. Fid-diskors tiegħu qal wkoll li f’din ir-residenza għad fadal xoghol kbir xi jsir u hu ser ikun qed jaħdem bis-sħiħ u b’impenn illum u fis-snin li ġejjin.
Huwa qal ukoll li għalkemm fis-snin li għaddew sar titjib fis-swali, dan ma kienx biżżejjed għaliex ir-residenti huma ferm għatxana għal diversi servizz. Il-Ministru Farrugia qal li mill-esperjenza u x-xogħol mibdi minnu fil-qasam tas-simplifikazzjoni, qed jara aktar kemm il-pjanijiet maħsuba jistgħu jinfirxu għall-ġid tar-residenti kif ukoll għall-impjegati, infermiera u t-tobba li jaħdmu magħhom. Il-Ministru saħaq li ma jridx jara ħela u wisq aktar dubblikazzjoni ta’ xogħol.
Huwa qal li tiskanta kif ninsabu fl-2014 u għadna għaddejjin b’teknoloġija antika meta saru tant żviluppi. Huwa wiegħed li se jaħdem bis-sħiħ sabiex jinstabu l-mezzi, biex wara li jitfassal pjan ħolistiku, ngħaddu għal teknoloġija ġdida li biha t-tobba u l-infermiera jkunu jistgħu jieħdu ċerti deċiżjoni f’qasir żmien u b’inqas skariġġ kemm għalihom, kif ukoll għar-residenti.
Il-Ministru wiegħed li l-impenn tiegħu se jkun li wara l-laqgħat li kellu mal-amministrazzjoni tar-residenza ta’ San Vinċenz u ż-żjara ta’ llum se jgħaddi biex jikkumbatti t-telqa u n-nuqqasijiet eżistenti. Sostna wkoll, li jrid jara li kull ewro li jintefaq iħalli r-riżultat mixtieq b’risq ir-residenti ta’ dan il-lok u dawk kollha li għad ikollhom bżonn jagħmlu użu minnu.
Waqt din iż-żjara kemm il-Ministru Farrugia kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Caruana żaru l-Admission Ward, is-sezzjoni tad-dentistrija, il-kċina u diversi swali oħrajn fosthom swali li qed ikun ippjanat bħal issa biex jiġu modernizzati. Huma rringrazzjaw laill-ħaddiema kollha li ltaqgħu magħhom għall-impenn, id-dedikazzjoni u l-imħabba lejn ir-residenti li bosta minnhom jiddependu mill-għajnuna tagħhom.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en