Left arrow Go Back

AN ANALYSIS OF WASTESERV MALTA LIMITED’S PROCUREMENT: A CASE STUDY PERSPECTIVE

pr140797mt
Date Icon 15/04/2014

L-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-Onor. Speaker Rapport intitolat ‘An Analysis of WasteServ Malta Limited’s Procurement: A Case Study Perspective’. L-obbjettiv prinċipali ta’ din il-verifika kien li jistabbilixxi jekk il-WasteServ Malta Limited (WSM) segwietx ir-regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi fil-proċess ta’xiri. Fl-isfond tan-numru kbir ta’ kuntratti mogħtija fil-perjodu 2006 sal-2012, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) addotta perspettiva ta’ analiżi bbażata fuq numru żgħir ta’ każijiet. Il-valur ta’ dawn il-kuntratti kien ta’ €34.32 miljun. Flimkien ma’ dawn il-każijiet, l-Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika ħares ukoll lejn appelli sottomessi minn terzi persuni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) u deċiżi fil-perjodu 2011 sa 2012.

Element essenzjali li jiżgura valur għall-flus fix-xiri huwa estimu inizjali realistiku tal-proġett. Fil-każijiet eżaminati, l-NAO osserva li kien hemm diverġenzi sinifikanti bejn l-estimi inizjali ta’ WSM meta mqabbla mal-valur tal-kuntratti. Nuqqasijiet f’dan ir-rigward jimplikaw li WSM ma kellhiex kriterji preċiżi biżżejjed li setgħu jintużaw biex titkejjel il-vijabilità finanzjarja tal-offerti sottomessi.

L-NAO jikkonsidra li dawn id-differenzi sostanzjali bejn l-estimi ta’ WSM u l-valur tal-kuntratti, li varjaw bejn 42 fil-mija aktar mill-kuntratt sa 15 fil-mija anqas mill-kuntratt, huma attribwiti għal possibilment żewġ fatturi. L-ewwelnett, dawn id-diskrepanzi jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ kumpilazzjoni mhux adegwata ta’ stimi, b’nuqqas ta’ attenzjoni fil-ġabra ta’ informazzjoni relevanti. It-tieni fattur jista’ jkun li diskrepanzi ta’ dan il-livell setgħu kienu riżultat ta’ tibdil estensiv fl-iskop u/jew tfassil tal-proġett. 

Minbarra riservi fuq l-aspett tal-assigurazzjoni tal-valur għall-flus li ġejjin minn nuqqas ta’ estimi preċiżi biżżejjed, l-NAO nnotta wkoll varjanzi sinifikanti b’riżultat ta’ tibdil fit-tfassil tal-proġett wara l-iffirmar tal-kuntratt. Dawn il-varjanzi bejn l-ammont kuntrattat u l-valur finali tal-proġett spikkaw l-aktar f’żewġ każi, li huma l-kostruzzjoni ta’ lok ta’ divertiment fil-Park tal-Familja f’Marsaskala kif ukoll fit-titjib li sar fl-Impjant ta’ Riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin.  F’dawn il-każi, il-varjanzi ammontaw għal madwar €600,000 (53 fil-mija aktar mill-valur tal-kuntratt) u €6,000,000 (23 fil-mija aktar mill-valur tal-kuntratt), rispettivament.

Punti ulterjuri ta’ tħassib ħarġu mill-każijiet l-oħra li eżamina l-NAO. Fil-każ tal-Impjant tat-Trattament tal-Iskart f’Tal-Kus Għawdex, WSM indikat li jista’ jkun hemm tibdil sostanzjali fit-tfassil u l-iskop ta’ dan il-proġett. F’dan l-istat bikri, il-valur ta’ varjanzi hu indikat li jilħaq it-23 fil-mija fuq il-kuntratt. Il-proċess li ntuża biex jingħata l-kuntratt għall-provediment u manutenzjoni għal tagħmir ta’ logħob intenzjonat għall-Park tal-Familja f’Marsaskala, partikolarment għall-fatt li kien involut kuntrattur wieħed, kien ta’ tħassib għal dan l-Uffiċċju. Speċifikament, l-NAO ma qabilx mar-raġuni li ngħatat biex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ dan il-kuntratt, dan għaliex in-natura tiegħu ma kinitx tinħtieġ daqshekk urġenza. B’referenza għall-kuntratti perjodiċi għat-tneħħija u esportazzjoni tal-filter cake u boiler dust, l-NAO għandu riservi għalfejn WSM irrikorriet għal dan it-tip ta’ kuntratti u mhux kuntratt aktar fit-tul. 

Mill-ħmistax-il appell sottomessi kontra deċiżjonijiet relatati ma’ kuntratti ta’ WSM, deċiżi mill-PCRB bejn l-2011 u l-2012, 10 minn dawn l-appelli kienu milqugħa.  Fl-opinjoni ta’ dan l-Uffiċċju, din is-sitwazzjoni hija tat-tħassib, partikolarment meta wieħed iqis il-proċess ta’ skrutinju involut fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-PCRB mar kontra d-deċiżjonijiet oriġinali għal diversi raġunijiet. L-iktar li ġibdu l-attenzjoni  kienu każi fejn l-kuntratt ingħata lill-offerent li ma kienx isegwi l-kundizzjonijiet tat-tender, l-għoti ta’ kuntratt minkejja ambigwità fl-istruzzjonijiet tat-tender, kriterji ta’ evalwazzjoni mhux dejjem obduti, u każ fejn wieħed li ma rebaħx dan it-tender appella tliet darbiet fir-rigward ta’ dan l-istess kuntratt.

Dan ir-Rapport hu aċċessibli direttament mill-website tal-NAO - www.nao.gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow