Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ZAMMIT LEWIS INIEDI L-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-LOGĦOB TAN-NAR

pr140754
Date Icon 10/04/2014

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-pjazza ta’ Buġibba, il-Ministru għat-Turizmu l-Onor. Edward Zammit Lewis nieda t-13-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li se jkun mifrux fuq tlett ijiem. Il-festival li huwa organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huwa meqjus bħala avveniment importanti u uniku fil-gżejjer Maltin fejn kull sena jipparteċipaw numru kbir ta’ kumpaniji pirotekniċi inkluż dawk barranin.

Dan il-festival iservi wkoll bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 u filfatt il-festival ta’ din is-sena ser ikun aktar speċjali, peress li pajjiżna jiċċelebra l-Għaxar Anniversarju mid-dħul fl-UE.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna kif l-iskop tal-festival f’din it-tlettax-il edizzjoni ntlaħaq sew hekk kif se jara l-parteċipazzjoni ta’ għaxar kumpaniji pirotekniċi matul it-tlett ijiem tal-festival b’żewġ kompetizzjonijiet separati.

Dan il-festival se jkun qed jara ħames kumpaniji barranin li ġejjin mill-Awstrija, Franza, Renju Unit u l-Italja fost il-parteċipazzjoni lokali. Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li festival bħal dan jingħaqad mal-kullana ta’ avvenimenti oħra li kisbu posthom fil-kalendarju lokali u sena wara oħra jkomplu jkabbru l-isem ta’ Malta fuq il-mappa tad-dinja. Dr. Zammit Lewis spjega kif attivitajiet bħal dawn iħajru aktar turisti jagħżlu lill-gżejjer Maltin għal btala tagħhom u jservi ta’ esperjenza għalihom.

Wara s-suċċess tal-attendenza numeruża f’Marsaxlokk is-sena l-oħra, l-organizzaturi ħasbu biex għal din is-sena l-ewwel serata tal-Festival terġa’ ssir ukoll f’Marsaxlokk fil-25 ta’ April.  F’Marsaxlokk erba’ timijiet ser joħolqu spettaklu mill-isbaħ tan-nar sinkronizzat mal-mużika ta’ madwar 14-il minuta l-wieħed fil-Kompetizzjoni Internazzjonali Piromużikali. 

L-għada s-Sibt 26 ta’ April, għal ewwel darba ġie deċiż li l-festival jiġi organizzat f’Buġibba biex il-logħob tan-nar ikun jista’ jitgawda minn firxa akbar ta’ nies u turisti. Is-serata finali ser ssir nhar l-Erbgħa 30 ta’ April fil-Port il-Kbir fejn l-aħjar post biex jitgawda l-ispettaklu jkun minn Xatt il-Barriera, il-Belt Valletta. Peress li din is-sena qed infakkru l-10 anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-UE, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-MTA b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Festi Nazzjonli ser itella’ wirja awdjo-viżiva flimkien ma’ logħob tan-nar spettakolari fil-Port il-Kbir. 

Min-naħa l-oħra ser tirritorna l-Kompetizzjoni Nazzjonali wara interess minn numru ta’ kmamar tan-nar Maltin biex jikkompetu f’din il-kompetizzjoni fejn ser jispikka l-element tradizzjonali u t-talent uniku tal-pirotekniċi Maltin.  Il-participanti ser ikunu l-Banda Sant’ Andrija Fireworks Factory ta’ Ħal Luqa, St. George’s Fireworks Factory ta’ Ħal Qormi, Santa Marija Fireworks Factory mill-Imġarr u Banda l-Unjoni St. Andrew’s Fireworks Factory ta’ Ħal Luqa.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis temm jgħid li l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar,  ta’ kull sena joffri opportunità speċjali, fejn wieħed jista’ jgawdi l-ambjent tal-irħula u l-bliet Maltin f’atmosfera mill-isbaħ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Josef Formosa Gauci tkellem fuq il-ħidma tal-MTA li flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu għal darb’ oħra qed terġa’ torganizza l-Festival tal-Logħob tan-Nar bħala parti minn kalendarju ta’ attivitajiet tul is-sena li jsiru fil-gżejjer tagħna biex jitgawdew mit-turisti u mill-Maltin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow