ILLUM ORGANIZZATI FESTA ĦALIB U FESTA FRAWLI MIS-SEGRETARJAT GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes, attenda għal żewġ attivitajiet li jesponu fl-aqwa tiegħu l-prodott Malti – Festa Ħalib u Festa Frawli, żewġ attivitajiet li saru jiffurmaw parti mill-kalendarju annwali tal-biedja. Dawn huma attivitajiet li s-Segretarjat iħoss li huma importanti li jibqgħu jsiru għaliex jagħtu spazju lill-bdiewa u r-raħħala biex jesponu l-prodotti lokali tagħhom.
Festa Ħalib qed tiġi organizzata għar-raba’ darba grazzi għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur flimkien mas-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, li għen fl-għarmar patroċinju kif ukoll fil-loġistika.
Waqt dan il-festival li huwa mmirat għall-familja kollha, wieħed jista’ jsib diversi prodotti magħmulin mill-ħalib jew li fihom il-ħalib fosthom, ravjul, ġbejniet, rikotta, ġelat, yoghurt, smoothies u ħafna ikel ieħor. Se jkun hemm ukoll prodott speċjali – ġelat magħmul mill-ħalib u li ma fihx hydrogenated fats, prodott li huwa magħmul minn riċetta totalment Maltija. Dan l-ikel ser ikun jista’ jinxtara waqt l-attività.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes attenda wkoll Festa Frawli, organizzata mill-Kummissjoni Lejla Mġarrija, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr kif ukoll is-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. L-għan ewlieni ta’ din l-attività huwa li jiġi promoss il-frawli bħala prodott lokali tal-Imġarr.
Waqt din l-attività l-konsumatur se jsib diversi attrazzjonijiet magħmula minn diversi entitajiet u bdiewa fosthom bejgħ tal-ikel, ħlewwiet u xorb maħdum bil-frawli frisk, pastizzi tradizzjonali bil-frawli, pizza, sfineġ, ġelati, sorbett, pasti, muffins, gateau, u ħafna oħrajn. Speċjali għall-okkażjoni hemm ukoll kejk kbir maħdum apposta.
Fiż-żewġ attivitajiet li huma sponsorjati mis-Segretarjat, se jkun hemm folklor Malti għaddej kif ukoll żfin u mużika. Is-Segretarjat tal-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qed iħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għall-dawn iż-żewġ attivitajiet biex mhux biss jitgħallem iktar dwar il-ħalib u l-frawli iżda wkoll biex japprezza iktar il-prodott lokali.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en