IL-GVERN HUWA KOMMESS LI JSAĦĦAĦ LILL-MEUSAC BIEX IKUN DEJJEM IŻJED STRUMENT EFFETTIV LI JRESSAQ LILL-PUBBLIKU U LIS-SOĊJETÀ ĊIVILI LEJN L-UNJONI EWROPEA
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli f’laqgħa organizzata mill-MEUSAC ma’ diversi kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
F’laqgħa organizzata mill-MEUSAC ma’ diversi kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar ir-rwol importanti li għandu l-MEUSAC bħala struttura li joffri spazju għad-djalogu soċjali.
Hija fissret kif minbarra r-rwol ta’ konsultazzjoni, il-MEUSAC iservi bħala l-ewwel kuntatt prinċipali għaċ-ċittadini dwar politika, liġijiet u programmi ta’ fondi Ewropej.
Dr Dalli ħabbret kif fl-aħħar ħames snin u nofs, bl-għajnuna tal-MEUSAC, għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali rċevew b’kollox mat-€30 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea għal total ta’ 205 proġett differenti.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ lill-MEUSAC biex ikun dejjem iżjed strument effettiv li jressaq lill-pubbliku u lis-soċjetà ċivili lejn l-Unjoni Ewropea.
Hija stiednet lis-sitt kandidati li se jkunu eletti wara l-24 ta’ Mejju li ġej biex jipparteċipaw fil-laqgħa tal-Core Group tat-30 ta’ Mejju flimkien mal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb fisser kif diġà teżisti kollaborazzjoni bejn il-MEUSAC u l-MPE u anke mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.
Hu qal li minkejja li ċ-ċittadini Maltin huma fost l-iktar li jafu x’inhu għaddej fl-Unjoni Ewropea, għadna m’aħniex nisfruttaw biżżejjed il-ħafna opportunitajiet li jeżistu.
Intant, waqt l-istess laqgħa tħabbar li tlesta x-xogħol ta’ rinnovament fid-daħla tal-bini tal-MEUSAC li issa ġie mgħammar mhux biss b’pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll b’apparat teknoloġiku biex il-pubbliku jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni elettronika.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en