INDIRIZZ MILL-EĊĊELLENZA TAGĦHA S-SINJURA MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA PRESIDENT TA’ MALTA - IL-PALAZZ, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 4 TA’ APRIL 2014
Presidenti Emeriti
Eċċellenzi
Mistednin Distinti
Maltin u Għawdxin,
Il-ħatra tal-Kap tal-Istat Malti, mhix ċelebrazzjoni ta’ persuna, iżda hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Poplu Malti u Għawdxi. Ċelebrazzjoni ta’ Poplu kburi li jgħix fi stat sovran. Dan huwa l-jum fejn bħala Maltin u Għawdxin nagħrfu lil xulxin bħala ġens wieħed. Ġens li minkejja li aħna żgħar fin-numru, xorta rnexxielna mal-milja tas-snin, nikbru, nissaħħu u nkunu kapaċi ngħixu b’rajna f’idejna.
Huwa għalhekk li l-lum, qed nersaq quddiemkom b’sens kbir ta’ umiltà, b’sens kbir ta’ dover, b’sens kbir ta’ impenn u b’rieda qawwija, biex flimkien, inkomplu fuq dak li nbena minn missirijietna.
Il-lum jien inħossni l-iżgħar fostkom.
Irrid naħdem magħkom, biex inkomplu niżviluppaw u nissaħħu bħala poplu, b’risqna, u b’risq uliedna, li jridu jiġu warajna.
Bħala poplu, matul il-milja tas-snin, urejna li aħna kapaċi nqumu għal kull okkażjoni.
Il-ħatra tiegħi l-lum, bl-appoġġ u l-approvazzjoni taż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, kif ukoll it-turija ta’ rispett u fiduċja, li wrewni eluf ta’ Maltin u Għawdxin, inqishom bħala sors ta’ responsabbiltà storika, li tkompli tħeġġeġ fija l-imħabba lejn pajjiżna, li huwa mogħni b’valuri sodi ta’ poplu kbir.
Il-Poplu tagħna, huwa poplu li minn daqsxejn ta’ blata, kien kapaċi jsawwar Nazzjon, Stat, joħloq il-ġid u jipprowmovi l-paċi.
L-Għaqda
Għalhekk inqis it-tisħiħ tal-għaqda ta’ bejnietna, bħala waħda mill-prijoritajiet li jrid ikollna, f’din il-mixja flimkien.
Għal dan il-valur tal-għaqda, irrid nimpenja ruħi bi sħiħ.
Ninsab konvinta, li kif bħala Poplu konna kapaċi nuru dan is-sentiment f’diversi okkażjonijiet, u b’diversi modi, hekk nistgħu inkomplu nwettquh kuljum, fl-aħjar interess tagħna, izda l-aktar ta’ uliedna.
Irridu naħdmu biex inpoġġu fuq quddiem il-virtù u l-valur tal-imħabba, ta’ aħwa Maltin u Għawdxin, biex permezz t’hekk, jibqgħu jiddominaw ir-rispett, it-tolleranza u d-dinjità.
Jeħtieġ li nagħrfu li ma jimpurtax li jkollna fehmiet differenti. Anzi, dan huwa meħtieġ. Jeħtieġ li nagħrfu wkoll, li ma jimpurtax nagħmlu l-kritika kostruttiva lil xulxin, għax dan jgħin fit-tisħiħ tad-demokrazija. Fl-istess ħin, iżda, tajjeb li nagħrfu wkoll, li huwa meta ningħaqdu, li nistgħu nifhmu wieħed lill-ieħor, li nistgħu nagħdru lil xulxin, u nkunu ta’ spalla għal xulxin, fil-mumenti diffiċli tal-ħajja.
Id-Demokrazija
Dan hu l-mod kif jissaħħaħ l-istat sovran, u t-tessut demokratiku Malti. Huwa meta kull wieħed u waħda minna nħossuna ħielsa, li nistgħu nipparteċipaw, anke meta ma naqblux, li nkunu qed inwettqu u nġeddu d-demokrazija fostna.
Inkunu qed ngħixu f’pajjiż tassew demokratiku, meta jirnexxielna nagħrfu nirrispettaw d-diversità ta’ bejnietna.
Fis-snin li ġejjin, jeħtieġ li nkomplu naħdmu bla heda fuq dan l-aspett. Jeħtieġ, li nkomplu nifhmu l-importanza tad-diversità, u tal-multi-kulturaliżmu li jeżisti fostna. Din hija sfida soċjali qawwija, u realtà importanti li qed tmissna lkoll.
Jeħtieġ li nifhmu u nagħrfu aħjar, li l-effett tal-globalizzazzjoni, mhuwiex biss, wieħed ekonomiku. Anke l-media soċjali, il-lum, qed iġġib fostna globalizzazzjoni kulturali, u moviment qawwi ta’ persuni.
Ejjew ma nibżgħux minn dan.
Ejjew Maltin u Għawdxin, naffrontaw dawn l-isfidi ġodda, b’sens kritiku u b’għarfien, li dan il-kambjament soċjali, joffri opportunitajiet għal dawk kollha, li jridu jimmobbilizzaw ir-riżorsi umani, u materjali, f’isem il-ġustizzja soċjali.
L-Identità
Min-naħa l-oħra huwa importanti li nkomplu nsaħħu l-identità tagħna. Għax wara kollox x’jagħmilna dak li aħna?
Għandna l-lingwa, il-bandiera, l-innu nazzjonali, il-kultura, it-tradizzjonijiet, u l-patrimonju awtentiku li jagħmilna Poplu b’identità unika.
Kemm minna, qegħdin napprezzaw din l-identità?
Għalhekk, filwaqt li fis-snin li ġejjin, irridu naħdmu biex inkabbru l-għarfien u r-rispett lejn id-diversità tal-kulturi u t-tradizzjonijiet, irridu niżguraw ukoll, li nibqgħu nsaħħu l-identità nazzjonali tagħna.
Dik l-identità li tagħmilna ġens uniku, li minkejja ċ-ċokon demografiku tiegħu, huwa kbir fis-sehem li ta lill-istorja dinjija.
Malta u Għawdex, jinsabu f’salib it-toroq taċ-ċiviltajiet. Għalhekk ejjew naħdmu fuq dan ukoll, biex insaħħu r-rwol tagħna ta’ pont li jgħaqqad iċ-ċiviltajiet u l-popli flimkien.
Id-Diaspora Maltija
Irridu fil-proċess ta’ dan kollu naħsbu fil-Maltin u l-Għawdxin ħutna, li huma mxerrdin mal-erbat irjieħ tad-dinja. Dawk il-Maltin u l-Għawdxin, li għal xi raġuni jew oħra, ħallew pajjiżna, iżda għadhom, u jibqgħu jħossuhom Maltin. Irridu nsaħħu l-kuntatt magħhom. Irridu nkabbru l-għarfien ta’ dawn l-ulied ta’ dan il-ġens. Irridu nuruhom li għalina, huma parti minna. Irridu ngħinuhom biex jibqgħu jgħożżu l-identità Maltija.
Nixtieq li anke uliedhom jibqgħu jagħrfu l-oriġini ta’ missirijiethom, u jibqgħu jħossuhom qribna.
Għax dan jibqa’ pajjiżhom u pajjiżna.
L-Impenn Soċjali
Irrid inkun denja tal-fiduċja li l-lum qed tagħtuni. Għal dan jien inwegħdkom li se nibqa’ dik il-persuna li dejjem kont, persuna li magħha tista’ titkellem u tiftaħ qalbek.
Id-diffikultajiet tagħkom huma l-isfidi tiegħi. Is-suċċessi tagħkom huma l-ferħ tiegħi. Nixtieq bis-sħiħ, li din il-Presidenza tkun waħda li tispira rieda tajba, u għarfien għas-solidarjetà ta’ bejnietna. Jien impenjata, u determinata, li nħares bi skruplu l-imparzjalita’ politika.
Ninsab determinata, li magħkom ilkoll, nibqa’ inġib ’il quddiem, dawk id-diffikultajiet u l-isfidi, li jaffettwaw il-ħajja tal-familji u individwi oħrajn f’pajjiżna. Dan fi sforz, biex nassiguraw li jkollna ambjent xieraq u dinjituż, għal kull wieħed u waħda minna, aħna minn aħna, ġejjin minn fejn ġejjin.
B’hekk biss nemmen, li jista’ jkollna soċjetà u poplu, li jkun ferħan, għax nassigurawlu, l-opportunità li jagħmel ħiltu biex jirnexxi mingħajr xkiel. Filwaqt li dawk fostna, li ma jkunux f’qagħda li waħedhom jieħdu l-opportunitajiet miftuħa, bħala poplu, irridu nassiguraw, li dawn ikollhom, aċċess effettiv.
Il-Volontarjat
Il-Poplu tagħna huwa poplu li jispira l-ġenerożità. Il-ġenerożità tista’ tieħu ħafna forom, kemm ta’ natura finanzjarja kif ukoll f’dedikazzjoni ta’ ħin għas-servizz tal-oħrajn. Hija l-intenzjoni tiegħi li nagħmel minn din il-Presidenza, opportunità oħra, bħall-predeċessuri tiegħi, biex insaħħu l-volontarjat f’pajjiżna.
Il-volontarjat f’pajjiżna diġà huwa pedament qawwi, li fuqu hemm mibnija tant ħidmiet soċjali. Nixtieq li nkomplu nsaħħu dawn il-ħidmiet, u nkabbru l-għarfien tal-importanza, li l-volontarjat għandu, kemm fis-settur soċjali kif ukoll f’dak ekonomiku.
Dan nixtieq li nagħmluh id f’id flimkien, b’kollaborazzjoni sħiħa, u mifruxa mas-setturi kollha f’pajjiżna. F’din il-ħidma jien nara opportunità tad-deheb biex inkomplu ningħaqdu. Għal dan il-għan nixtieq li ninvolvi lil kulħadd – is-settur soċjali, is-settur tan-negozju u l-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-istat u l-ħafna Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba li jridu jikkontribwixxu favur dawn il-kawżi ta’ natura soċjali.
Ejjew ħalli naħdmu flimkien.
Nemmen ukoll, fi Presidenza li tisma’ u tiffaċilita l-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin, sabiex tassigura li t-tifsira tal-istat tkun tassew tirrifletti li dan huwa POPLU SOVRAN.
Funzjonijiet Ġodda
Din hija Presidenza li deħlin fiha b’funzjonijiet aktar wiesa’ u ġodda. Hija Presidenza li bħala Poplu rridu nagħmluha suċċess, ħalli l-isfidi soċjali u ekonomiċi, in-partikolari dawk, li qed iħallu effett u impatt negattiv fuq kulħadd, jiġu indirizzati fuq livell nazzjonali, u ma jibqgħux jagħmlu parti mil-lotta politika partiġġjana.
Nemmen li l-Presidenza, trid tkun tarka tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet umani. Għalhekk, se nkun qed nuża l-enerġija tiegħi, sabiex tkompli tkun ikkultivata, kultura ta’ ġustizzja soċjali, mibnija fuq is-sisien tar-rispett u l-inklussività, it-tolleranza u d-diversità – ilkoll valuri li għandhom jibqgħu jagħmluna kburin li aħna Maltin u Għawdxin.
Anniversarji Nazzjonali
L-istorja politika ta’ pajjiżna hija waħda li jekk xejn uriet li minkejja d-daqs u n-numru, bir-rieda u d-determinazzjoni, il-poplu jista’ jasal jikseb, dak li hu tiegħu bi dritt. Huwa ta’ unur għalija, li se nkun fil-Presidenza matul din is-sena, meta qed niċċelebraw erba’ anniversarji nazzjonali importanti fl-istorja politika ta’ pajjiżna: Il-Ħamsin sena mill-kisba tal-Indipendenza, l-Erbgħin sena minn meta Malta saret Repubblika, il-Ħamsa u Tletin sena minn meta ksibna l-Ħelsien sħiħ, u l-Għaxar sena minn meta sirna membri tal-Unjoni Ewropea.
Kull wieħed minn dawn l-anniversarji, jimmarka parti minn proċess importanti fil-ħajja politika tan-nazzjon tagħna, nazzjon li rnexxielu jasal fejn wasal għax hu bieżel, kuraġġuż u determinat li jirnexxi f’kulma jagħmel.
Dan nafuh lil missirijietna. Il-viżjoni u ż-żelu tagħhom, għandhom ikunu l-għodda tagħna, biex inkomplu mexjin ’il quddiem, fil-maturità politika, bħala poplu tassew modern.
Għalhekk nixtieq li din il-Presidenza, ma tonorax biss il-memorja tal-antenati tagħna, u l-kisbiet tagħhom, iżda wkoll, biex inżommu din il-memorja aktar ħajja, nixtieq li naħdmu, biex nagħtu aktar vizibilità lill-membri anzjani tas-soċjetà tagħna.
Dan għaliex tassew nemmen, li soċjetà tingħaraf minn oħra, bħala waħda b’saħħitha, meta din tagħraf, il-valur li tgħożż u tieħu ħsieb l-anzjani tagħha.
Avvenimenti Reġjonali u Internazzjonali li se jseħħu f’Malta
Matul din il-Presidenza, f’Malta se jkunu qed jinżammu numru ta’ avvenimenti importanti. Dan hekk kif is-sena d-dieħla Malta se tospita għat-tieni darba l-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-iStati Membri tal-Commonwealth, magħrufa aħjar bħala ċ-CHOGM, fl-2017 Malta se jkollha għall-ewwel darba il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li fl-2018 il-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea.
Dawn l-avvenimenti, filwaqt li jkomplu juru l-importanza ta’ pajjiżna, fl-oqsma tal-politika internazzjonali, reġjonali u kulturali, huma okkażjoni importanti għalina, biex nuru lid-dinja min aħna.
Għalhekk, din il-Presidenza se tkun impenjata bi sħiħ, biex tkompli tgħolli l-profil ta’ pajjiżna. Din il-Presidenza se tkun konxja mill-fatt, tal-importanza li kull avveniment, iħalli legat ta’ suċċess. B’hekk jinħasad il-frott, mhux biss għalina, iżda anke għal ta’ warajna.
Ir-Riformi Kostituzzjonali
Minbarra dan, din il-Presidenza se tkun ukoll qed timpenja ruħha fir-riformi kostituzzjonali meħtieġa. Dawn il-bidliet kostituzzjonali, filwaqt li huma ta’ importanza kbira fil-proċess tal-evoluzzjoni tad-demokrazija tagħna, għandhom jassiguraw li jesprimu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ soċjetà li dejjem qed tevolvi. Din il-ħidma, filwaqt li titlob ħafna għaqal u konsultazzjoni wiesa’, għandha wkoll tara li tiċċelebra u tonora lill-ewwel arkitetti, tal-iżvilupp kostituzzjonali tagħna, li b’ħila u b’dedikazzjoni wasslu għall-kostituzzjoni kif nafuha l-lum.
F’dan il-waqt solenni, nixtieq insellmilhom, u nagħtihom il-ġieħ mistħoqq, f’ismi u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Jalla dak li nżera’ fil-proċess kostituzzjonali tagħna matul is-snin, ikompli jispirana, fil-ħidma li għandna quddiemna, fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Jalla nirrealizzaw ilkoll, li r-rispett għall-opinjonijiet differenti, għandha tibqa’ s-sinsla ta’ kull inizjattiva li nieħdu, biex insaħħu d-demokrazija tagħna. Demokrazija, li għandha tassigura, li l-persuna umana, tkun fiċ-ċentru.
Impenn Internazzjonali
Fuq livell internazzjonali, Malta għandha tibqa’ żżomm r-rwol ewlieni tagħha, ta’ pont ta’ djalogu li jgħaqqad il-kontinent Ewropew ma’ dak Afrikan. F’dan il-kuntest, tibqa’ essenzjali l-ħtieġa, li l-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ paċi jinġiebu eqreb lejn xulxin ħalli l-Mediterran ikun baħar li jippromwovi l-paċi u l-ġid.
Barra minnhekk, Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda, fora reġjonali u internazzjonali, li fihom irridu nkomplu naħdmu, biex nagħtu sehemna kif dejjem tajna, ħalli ngħinu fl-iżvilupp ta’ dinja aħjar milli sibniha.
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija, li ninnota li anki fil-qasam bilaterali, Malta għandha relazzjonijiet eċċellenti ma’ għadd kbir ta’ pajjiżi oħra madwar id-dinja. Din hija ħidma li pajjiżna jeħtieġ li jkomplu jsostni.
L-Immigrazzjoni
L-importanza ġeostrateġika ta’ pajjiżna f’nofs il-Mediterran, tkompli tikseb aktar rilevanza fid-dawl tal-influss kbir ta’ immigranti, li qed jaslu fi xtutna.
Filwaqt li rridu nibqgħu konxji l-ħin kollu mill-element umanitarju marbut ma’ dawn il-wasliet u l-bżonn li nagħtu lil dawn il-persuni l-assistenza umanitarja kollha li tixirqilhom, mill-banda l-oħra d-daqs u d-densita’ tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna, tagħmilha impossibbli li nagħtu l-aħjar li nixtiequ, lil dawn ħutna, li qed ifittxu l-kenn mill-konflitti, il-gwerer, u l-aspirazzjoni għal ħajja aħjar. Għalhekk, dan il-fatt jirrendi lil pajjiżna, dipendenti fuq l-għajnuna, ta’ pajjiżi ġirien u l-Unjoni Ewropea.
Malta għandha l-appoġġ tal-pajjiżi ġirien, kif ukoll ta’ Għaqdiet Mhux Governattivi Internazzjonali, u l-Ġnus Magħquda, li filwaqt li jissimpatizzaw mal-esperjenzi ta’ pajjiżna, u qed jagħrfu li Malta għandha każ speċjali, jeżiġu li jkun hemm soluzzjoni dejjiema biex titwaqqaf din it-traġedja umana.
Irrid nagħmel appell lill-komunità internazzjonali, biex tqis bi dmir, li tgħin, lil pajjiżi bħal Malta, jaqsmu r-responsabbiltajiet ta’ dan il-fenomenu uman.
Din il-Presidenza hija kkonċernata b’dan kollu, u għalhekk nemmen li rridu nkomplu naħdmu, biex jinstabu soluzzjonijiet fit-tul, ħalli nkunu katalisti fil-proċess, li nkissru anke ċ-ċrieki ta’ kriminalità u traffikar internazzjonali, li qed jagħmlu ħerba minn eluf ta’ ħajjiet.
Fl-istess waqt, hekk kif l-instabbiltà politika tkompli għaddejja fil-pajjiż ġar tagħna l-Libja, u l-gwerra fis-Sirja, nappella lill-Korp Diplomatiku preżenti, biex insaħħu l-ħidma tagħna permezz ta’ għarfien akbar tal-problemi u tad-djalogu effettiv, li jwassal għal soluzzjonijiet konkreti.
Nemmen bis-sħiħ, li d-djalogu jibqa’ strument effettiv li jista’ jġib il-popli flimkien.
Nistqarr li huwa ta’ niket kbir għalija li r-reġjun tagħna, li huwa l-benniena taċ-ċiviltà, għadu ma jistax jistabbilixxi koeżistenza paċifika. Koeżistenza li tista’ tilħaq il-milja tagħha jekk ikun hemm għarfien u rispett lejn id-diversi kulturi u popli, l-opinjonijiet u t-twemmin differenti, kif ukoll lingwi u tradizzjonijiet multi-etniċi.
Inqis lilna bħala Poplu fortunat, għaliex fil-każ tagħna, teżisti koeżistenza u solidarjetà qawwija bejn il-familji tagħna. Aħna poplu fortunat meta missirijietna għarfu l-ħtieġa li jżommu flimkien u jiżviluppaw r-rieda bla biża’, li jiskopru opportunitajiet ġodda li għamlu lilhom, u jagħmlu lilna, iżjed b’saħħitna f’dak kollu li nidħlu għalih.
Tfal u Żgħażagħ
Għalhekk nixtieq nieħu din l-okkażjoni, ta’ ċelebrazzjoni tal-istat Malti, biex nagħmel kuraġġ u nħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, biex jagħmlu ħilithom bl-istess kuraġġ u rieda, li missirijiethom ħadmu bih.
Bħala omm li nifhem mill-qrib id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom, il-ġenituri fl-istadji differenti tat-trobbija, nixtieq nieħu din l-opportunità mill-ewwel, biex nistedinhom, biex flimkien nagħmlu pass ’il quddiem, u nagħtu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, vuċi aktar b’saħħitha, u spazju biżżejjed, biex jgħidulna huma l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Ejjew, ġenituri Maltin u Għawdxin, naħdmu biex inkomplu niżviluppaw l-ambjent addattat f’pajjiżna, fejn uliedna, li huma l-preżent u l-futur tagħna, ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Dan nistgħu nagħmluh permezz tal-ħarsien tal-ambjent, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-isport u l-kultura u xejn inqas il-patrimonju storiku u naturali.
Illum nerġa’ ntenni, li nħossni tassew umli quddiemkom, konxja li bħala Kap tal-Istat, jien nirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minnkom, konxja li għandi r-responsabbiltà li nressaq ’il quddiem il-ħolm u l-aspettattivi tagħkom, ix-xewqat u l-kisbiet kollha tagħkom.
Irrid inkun denja ta’ dan il-pajjiż hekk sabiħ, li jħaddan patrimonju daqstant għani u uniku.
Irrid inkun denja quddiemkom, billi nservi ta’ katalista biex ningħaqdu, għax inkunu għarafna u ħassejna l-bżonnijiet ta’ xulxin, u l-aspirazzjonijiet ta’ xulxin.
F’mument bħal dan, ma nistax ma nsellimx mill-qalb, lill-Presidenti kollha ta’ qabli, li b’għaqal, u b’ħila, irnexxielhom jgħollu d-dinjità tal-istat Malti, permezz tal-impenn uffiċjali, kif ukoll soċjali tagħhom, fl-aħjar interess ta’ ġensna.
B’ħidmieti, irrid inkun denja wkoll, ta’ dan il-legat li ħallew, b’tama li jkompli jmexxini fis-snin li ġejjin.
Imħeġġa mill-appoġġ ma jaqta’ xejn, u mill-imħabba tal-poplu, li għalih u miegħu, jien kommessa li nkompli nservi.
Igwidata mill-valuri li għaġnuni fihom il-ġenituri tiegħi, nitlob lil Alla jgħini, biex flimkien ma’ Żewgi u Binti, inkun ta’ servizz denju lill-pajjiżi f’kulma nagħmel.
Fl-aħħarnett irrid nistqarr quddiemkom, li jiena determinata, li dak kollu li se nkun qed inwettaq, se jkun espressjoni profonda tal-imħabba kbira li jiena għandi, għal pajjiżi, u għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Hekk Alla Jgħini.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en
pr140700a - Proklama.pdf