MALTA GĦANDHA L-PRODOTT TURISTIKU ADEGWAT BIEX TATTIRA TURISTI TA’ KWALITÀ FOSTHOM MILL-ISTATI UNITI
Meta kien qed jindirizza numru ta’ aġenti tal-ivvjaġġar mill-Istati Uniti li jinsabu f’pajjiżna għall-ewwel darba, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem fuq il-pjan tal-Gvern li jiddiversifika fi swieq turistiċi tat-tip long haul fost l-oħrajn fl-Istati Uniti biex jattira turisti ta’ kwalità.
Karmenu Vella fisser kif is-sena li għaddiet Malta rnexxielha tikser kull rekord fejn jidħol turiżmu, b’ċifra li laħqet il-1.6 miljuni li tfisser 4 turisti għal kull persuna li tgħix f’pajjiżna.
Semma kif preżentament, 85% tas-swieq turistiċi lejn Malta huma kollha Ewropej bl-aqwa erbgħa jkunu l-Ingilterra, l-Italja, l-Ġermanja u Franza. Mill-banda l-oħra, mill-Istati Uniti, Malta tattira mal-20,000 turist fis-sena li huwa biss 1% tal-ammont kollu ta’ turisti li jaslu f’pajjiżna. F’dan ir-rigward, il-Gvern jinsab impenjat li jattira aktar turisti ta’ kwalità hekk kif Malta għandha l-prodott turistiku adegwat għas-suq Amerikan.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci fisser kif is-suq Amerikan huwa wieħed importanti għal Malta.
Hekk kif din kienet l-aħħar okkażjoni pubblika tal-Ministru Karmenu Vella bħala Ministru għat-Turiżmu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità rringrazzja lill-Ministru Vella għall-impenn kontinwu tiegħu tul din l-aħħar sena fis-settur tat-turiżmu biex pajjiżna seta’ jikseb ir-riżultati li kiseb.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en