Left arrow Go Back

IS-SISTEMI INTERKONNESSI TAT-TRASPORT FL-UNJONI EWROPEA DISKUSSI F’LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI TAL-MEUSAC

pr140648
Date Icon 28/03/2014

Din il-laqgħa kienet opportunità biex uffiċjali għolja mill-Kummissjoni Ewropea jiltaqgħu ma’ rappreżentanti tas-settur tat-trasport f’Malta u jispjegawlhom dwar il-futur tal-konnettività tas-sistemi tat-trasport fl-UE fis-snin li ġejjin, kif Malta tidħol f’din il-politika u kif tista’ tibbenefika mill-fondi marbutin magħha. L-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea tkellmu dwar in-Netwerk Ewropew għat-Trasport (Trans European Network for Transport – TEN-T), il-Fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) f’dan il-qasam (Connecting Europe Facility - CEF), u n-Netwerks Ewlenin bejn l-Istati Membri (Core Network Corridors - CNC). Il-laqgħa kienet organizzata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura flimkien mal-MEUSAC.

Fil-bidu tal-laqgħa, Pat Cox, li huwa l-Kordinatur ta’ wieħed mid-disa’ firxiet ta’ sistemi ta’ trasport fl-UE (Core Network Corridors), jiġifieri dak li jibda mill-Finlandja fl-Iskandinavja u jibqa’ nieżel sa Malta, u jkopri seba’ Stati Membri differenti, qal li l-UE trid li fis-snin li ġejjin ikollha sistemi ta’ trasport differenti – bl-art, bl-ajru u bil-baħar – li jgħaqqdu b’mod koordinat l-Istati Membri u jagħtu valur miżjud lit-trasport u ċ-ċaqliq fl-UE. Huwa qal li Malta, fil-periferija tan-naħa t’isfel tal-Ewropa u magħquda biss mal-kontinent Ewropew bil-baħar, tista’ tkun punt kruċjali fil-mappa Ewropea biex tgħin fit-tfassil tal-politika Ewropea f’din is-sistema. Huwa qal l-ġimgħa d-dieħla, uffiċjali Maltin se jiltaqgħu flimkien ma’ oħrajn mis-sitt Stati Membri l-oħra, se jiltaqgħu fi Brussell biex jibdew jippjanaw kif dan in-netwerk jista’ jaħdem b’suċċess. Ir-realtà hi li filwaqt li ma jista’ jsir xejn dwar iċ-ċokon tal-gżejjer Maltin, jista’ jsir ħafna biex Malta u l-bqija tal-kontinent jingħaqdu effettivament permezz ta’ dawn is-sistemi.

Min-naħa tagħhom, Herald Ruijters u Leo Huberts, mid-Direttorat Ġenerali għat-Trasport u l-Mobilità (DG MOVE) tal-Kummissjoni Ewropea, spjegaw lill-parteċipanti kif se titħaddem is-sistema tat-TEN-T fl-UE fis-snin li ġejjin u kif Malta tista’ tibbenefika mill-fondi allokati kemm mill-CEF u kemm mill-Fondi ta’ Koeżjoni. Huma qalu li għalkemm fis-snin li għaddew sar ħafna xogħol biex l-Istati Membri jkunu iktar magħqudin bl-infrastruttura u s-sistemi tat-trasport, issa se jsir iktar pjanar u kordinament bl-għajnuna ta’ aktar fondi tal-UE li minn 8 biljun Ewro se jiżdiedu għal 28 biljun Ewro.

Huma qalu wkoll li sal-2020, Malta tista’ tieħu miljuni ta’ fondi mill-UE biex issaħħaħ l-infrastruttura tat-trasport, iżżid is-sigurtà tat-toroq, tagħmel pjani fit-tul għall-immaniġġjar tat-traffiku, tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku f’arterji prinċipali, u żżid l-użu tal-gass fit-traport biex tnaqqas l-emissjonijiet, li f’Malta huma l-ikbar kawża ta’ tniġġis. 

Il-parteċipanti għamlu diversi interventi, fosthom: il-progress li sar fl-użu tal-portijiet Maltin u ż-żieda fil-kummerċ bil-baħar fl-aħħar snin; il-bżonn li jiżdiedu l-faċilitajiet tal-infrastruttura tal-portijiet biex jakkomodaw din iż-żieda; l-importanza tat-tisħiħ tas-settur tal-avjazzjoni li huwa wkoll mezz vitali għall-konnettività ta’ Malta; iktar għażla għal min jivjaġġa bil-baħar minn Malta lejn il-bqija tal-Ewropa; u dwar kif is-settur pubbliku u dak privat jaħdmu iktar flimkien fl-ippjanar u fl-applikazzjonijiet tal-proġetti f’dan il-qasam.

Matul iż-żjara tagħhom f’Malta, Herald Ruijters, Pat Cox u Leo Huberts attendew għall-ftuħ tal-mina li taqsam mill-Blata l-Bajda għall-Marsa minn taħt Triq Diċembru Tlettax u li hi ffinanzjata mill-fondi tat-TEN-T (2007-2013).

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow