IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI DR EDWARD ZAMMIT LEWIS INIEDI IL-HIGH LEVEL STEERING COMMITTE GROUP BIEX IĦEJJI STUDJU DWAR IL-CLOUD COMPUTING
Is-Segretarju Parlamentari Dr Edward Zammit Lewis waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Smartcity qal li l-Cloud Computing hija waħda mill-muturi li l-Gvern se jkun qiegħed ifassal l-istrateġija u l-politika tiegħu. Għal dan il-għan twaqqaf kumitat bl-isem ta’ High Level Steering Committe Group fejn ix-xogħol tal-istess kumitat se jkun qed jaħdem id f’id ma’ entitajiet varji biex iħejju studju relatat mal-Cloud Computing. Fost ħafna affarijiet oħra dan il-grupp se jkun qed jesplora opportunitajiet u benefiċċji ġodda minn fondi differenti, kemm dawk nazzjonali kif ukoll Fondi Ewropej.
Dan il-kumitat se jkun qed jesplora din l-opportunità tal-Cloud Computing minn diversi aspetti għaliex din hija l-industrija tal-futur, li minnha se jgawdi kulħadd, mhux biss l-industrija u l-individwi, iżda ukoll l-Gvern, jgħid is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis. “B’dan il-mod se nkunu qed intejbu l-użu tal-informazzjoni għal wieħed aktar effiċċjenti u b’hekk intaffu mill-ispejjeż. Apparti dan se nkomplu nkattru l-innovazzjoni minħabba li l-aċċess għall-informazzjoni bi cloud computing hija aktar faċli u b’veloċità ferm aħjar.”
Edward Zammit Lewis żied jgħid li dan il-kumitat se jkun qed jirrifletti parti mill-Istarteġija Nazzjonali Diġitali li tħabbret din il-ġimgħa stess, ħidma kbira u kontinwa tal-MCA u l-MITA. F’dan il-kumitat qed nilqgħu aktar entitajiet għaliex flimkien nemmnu li se nkunu qed naħdmu flimkien sabiex il-poplu Malti jgawdi mill-Cloud Computing jispjega s-Segretarju Parlamentari, peress li din l-industrija se tkun qed tiftaħ ħafna bibien f’diversi oqsma.
F'Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija li għandha twassalna sal-2020 b’mira ta’ madwar 2.5 miljun ta’ impjiegi Ewropej ġodda kif ukoll mistennija tagħti spinta annwali ta' €160 biljuni.
L-istrateġija hija mfassla fuq il-bażi li jiżdied l-użu tal-Cloud Computing fis-setturi ekonomiċi, jgħid Dr Edward Zammit Lewis. Din l-istrateġija hija r-riżultat ta' analiżi tal-politika b’mod partikolari dawk regolatorji u konsultazzjonijiet wiesgħa ta’ teknologiji mal-partijiet interessati li jiddentifikaw modi li jimmassimmizzaw l-potenzjal offrut minn Cloud. L-istess dokument jistipula l-azzjonijiet addizzjonali l-aktar importanti u urġenti. Dan jirrappreżenta l-impenn politiku tal-Kummissjoni u jservi bħala sejħa lill-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari jirreferi wkoll għall-istatistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea stess li tgħid li kumpaniji li diġà qed jagħmlu użu mis-sistema ta’ Cloud jestimaw tnaqqis fl-ispejjeż tal-Informatika bejn 10% - 20%.
Il-kunċett ta’ Cloud Computing se tingħata prijorità minħabba li din l-industrija tinsab f’fażi ta’ evoluzzjoni kbira fid-dinja diġitali u Malta ma tistax tibqa’ lura. Il-Gvern se jkun qed jippromwovi dawn is-servizzi f’pajjiżna biex jattira investiment f’pajjiżna f’dan is-settur, jsostni Dr Edward Zammit Lewis.
Din l-industrija diġà miexja b’ritmu mgħaġġel u għalhekk irridu grupp ta’ persuni biex jagħmlu studju dwar Cloud Computing biex Malta tkun leader fis-settur tal-Informatika, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Dr Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en