Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR JOSEPH MUSCAT, PRIM MINISTRU, WAQT IĊ-ĊENA AD UNUR IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA ABELA, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA

pr140629
Date Icon 27/03/2014

Eċċellenza u Sinjura Abela,

Eċċellenza Monsinjur Arċisqof,

Is-Sinjurija Tiegħek Prim Imħallef u Sinjura Camilleri,

Onorevoli Speaker u Sinjura Farrugia,

Onorevoli Membri

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Huwa privileġġ għalija bħala Prim Ministru li llejla, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi kollu, nesprimi r-ringrazzjament tagħna lkoll lilek – Sur President - issa li wasal biex jagħlaq it-terminu ta’ ħames snin tal-Presidenza tiegħek.

L-2014 hija sena partikolari għall-Presidenza ta’ pajjiżna.

Hija sena li matulha pajjiżna qed ifakkar l-erbgħin anniversarju minn meta sar Repubblika.

Kien mument storiku dak ta’ erbgħin sena ilu meta twieldet il-Kostituzzjoni Repubblikana, li fiha dan il-pajjiż iddeċieda li l-Kap tal-iStat ikun wieħed jew waħda minn uliedu.

B’wiċċi minn quddiem ngħid illum li l-persuni kollha li servew fil-kariga ta’ President tar-Repubblika kienu denji tad-deċiżjoni maġġoritarja li ħadet il-Kamra tar-Rapprezentanti fit-13 ta’ Diċembru tal-1974.

Nixtieq f’din l-okkażjoni insellem u nirringrazzja lil dawk kollha li okkupaw il-kariga ta’ President matul l-aħħar erbgħin sena.

Il-lejla iżda ppermettuli nagħti tislima partikolari lil Dr George Abela.

Id-deċiżjoni tal-predeċessur tiegħi, Dr Lawrence Gonzi, li jipproponi lil Dr Abela bħala President tar-Repubblika, kienet waħda korretta u l-poplu laqgħaha.

Nemmen bis-sħiħ li nkun qed nirrifletti l-fehma tal-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin meta ngħid li fil-ħames snin li għaddew, Dr George Abela għamilna kburin bl-għażla unanima li ż-żewġ naħat tal-Kamra ħadu f’April 2009.

Ħames snin ilu meta indirizzajat il-Kamra tar-Rappreżentanti biex nissekonda l-mozzjoni li permezz tagħha inħatar il-President tar-Repubblika ġdid, kont esprimejt il-konvizjoni tiegħi li Dr George Abela kien se jkun il-President ta’ kulħadd sa mill-ewwel ġurnata.

Bil-fatti, bħala President Dr Abela kien il-ħin kollu r-rappreżentant tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Kif kien iddikjara huwa stess dak in-nhar tal-inawgurazzjoni tiegħu bħala t-tmien President tar-Repubblika, b’għemilu Dr George Abela kien il-ħin kollu simbolu ta’ għaqda u strument kostituzzjonali imparzjali, denn tal-fiduċja mqiegħda fih.

Il-Presidenza tiegħu waqt li żammet sodi l-valuri tagħna bħala poplu, irrispettat il-ħin kollu l-fatt li pajjiżna huwa magħmul minn nies ta’ ideat u ta’ twemmin differenti fi żmien fejn il-poplu Malti u Għawdxi b’maturita għamel għażliet elettorali importanti ħafna. Is-snin tal-Presidenza ta’ Dr Abela kienu snin li matulhom is-soċjeta tagħna aċċettat il-ħtiega li taddatta ruħha għal realitajiet ġodda.

Sur President, żgur li se tibqa mfakkar ukoll għas-sens ta’ enerġija kbira u ġdida li daħħalt fil-Presidenza.

Dan irrifletta ruħu b’mod sħiħ fil-ħidma li twettqet taħt il-Presidenza tiegħek biex il-Community Chest Fund, wara li tpoġġa fuq sisien sodi, fl-aħħar ħames snin sar sinonimu mal-valuri tas-solidarjeta u tal-ġenerozita – valuri li huma parti integrali mill-karattru tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Sur President, dan kien il-ħsieb tiegħek sa mill-bidu nett.

Fid-diskors tiegħek dak in-nhar li ħadt il-ġurament tal-ħatra kont tkellimt favur soċjetà  inklussiva bbażata fuq l-obbligu tat-twettiq tal-ġustizzja soċjali u tas-solidarjetà sħiħa mal-fqir, il-batut u l-emarġinat, soċjetà ħanina li fiha għandu jkun hemm post għal kulħadd, ispirata minn impenn li taħdem għall-ġid komuni. 

Eluf ta’ Maltin u Għawdxin u magħhom għaqdiet volontarji ngħataw tama ġdida permezz tal-għajnuna li rċievew minn għand il-Community Chest Fund. F’ħames snin il-poplu Malti u Għawdxi ta’ ħmistax–il miljun ewro lil Community Chest Fund li għaxar miljuni minnhom marru għand dawk li sabu rwieħhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikulta jew oħra tal-ħajja.

Ma nistax ma nsemmix il-proġett li daħlet għalih il-Community Chest Fund taħt il-Presidenza tiegħek biex bini fl-Imtarfa li kien fi stat ta' abbandun, inbidel f'faċilita' li issa qed toffri trattament għal persuni li jsofru minn kundizzjoniji bħall-anorexia, bulimia jew obeżita'.

Għal dan kollu bħala pajjiż għandna għal x’hiex nirringrazzjaw lill-President Abela u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Bix-xoghol tagħha, l-Community Chest Fund għaqqdet warajha eluf ta’ Maltin u Għawdxin li warrbu fil-ġenb dak li jifridhom u fittxew dak li jgħaqqadhom biex jibgħatu messaġġ ċar ta’ kuraġġ u ottimizmu. Kienet ħidma li għenet mhux ftit biex il-Presidenza kienet dejjem eqreb tan-nies.

F’dan il-kuntest inħossni wkoll fid-dover li nagħti tislima xierqa lis-sinjura Abela li kienet dejjem hemm u li hija eżempju ħaj ta’ kif persuna fil-ħajja pubblika għandha tibqa dejjem tifhem ir-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum.

Żewġ inizjattivi oħra li ħadet din il-Presidenza - Il-Premju għall-Kreattività u l-Premju ghall-Volontarjat, kellhom il-ħsieb li jirrikonoxxu minn naha l-ħidma marbuta ma' proġetti tal-arti li jimpenjaw lit-tfal u liż-żgħażagħ fil-komunità, u minn naħa l-oħra s-sagrifiċċji li jsiru minn tant nies b'sens ta' mħabba lejn ix-xogħol fil-komunitá.

L-isfida quddiemna hija li fis-snin li ġejjin inkomplu nibnu fuq dan kollu.

Ninsab konvint li l-Presidenza se tibqa tkun strument kostituzzjonali li jgħaqqad lil pajjiżna.

Il-kontribut tal-President Abela f’dan ir-rigward kienet importanti ħafna.

Il-Presidenza għandha ssir ukoll dejjem iktar fattur li tagħti identità lilna lkoll bħala Maltin u Għawdxin. 

Huwa importanti li nidħlu għall-isfida li nsaħħu l-identità Maltija.

L-identità iżda ma hiex wirja f’mużew

L-identità tiġġedded.

Tiġġedded billi bħala pajjiż u bħala poplu inħarsu ‘l barra u mhux ‘il ġewwa.

Sur President,

Filwaqt li mill-gdid nirringrazzjak għax-xogħol siewi li wettaqt matul l-aħħar ħames snin, nawgura li fis-snin li ġejjin, il-pajjiż jibqa jagħmel użu mill-kwalitajiet u mill-għerf tiegħek għall-ġid komuni. Din hija l-intenzjoni tal-Gvern tiegħu fil-ħin u l-lok adegwat.

B’dawn is-sentimenti f’moħħna, nixtieq nistedinkom biex tqumu u tgħollu t-tazzi tagħkom bis-saħħa tal-President tar-Repubblika.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow