NHAR IS-SIBT U L-ĦADD IL-PRESIDENT JILTAQA’ PERSONALMENT U JSELLEM LILL-PUBBLIKU
Nhar is-Sibt u nhar il-Ħadd, il-President ta’ Malta George Abela se jiltaqa’ u jsellem lill-pubbliku b’sinjal ta’ apprezzament qabel ma jtemm il-Presidenza. Waqt li jiltaqa’ mal-pubbliku se jkun qiegħed jiffirma wkoll il-kotba George Abela, Qalb in-Nies.
Il-pubbliku li jrid jiltaqa’ mal-President George Abela se jkun jista’ jagħmel dan nhar is-Sibt li ġej bejn l-10.00am u s-1.00pm fil-Palazz ta’ San Anton. Waqt dawn il-ħinijiet il-pubbliku jkun jista’ jara diversi swali fil-Palazz ta’ San Anton.
Is-Sibt wara nofsinhar bejn l-4.30pm u s-7.00pm il-President se jkun qiegħed jiltaqa’ mal-Għawdxin fil-Banca Giuratale, ir-Rabat Għawdex.
Il-Ħadd 30 ta’ Marzu bejn l-10.00am u s-6.00pm il-President se jkun qiegħed jiltaqa’ u jsellem lill-pubbliku fil-Palazz Verdala. Il-pubbliku li jattendi se jkun jista’ jara wkoll l-Isculpture Garden li ġie inawgurat dan ix-xahar u jżur ukoll il-Palazz Verdala li se jkun miftuħ.
Il-ktieb jista’ jiġi ordnat minn qabel, b’offerta ta’ qabel il-pubblikazzjoni minn fuq www.kitegroup.com.mt, jew inkella jinxtara mill-Palazz ta’ San Anton, mill-Palazz Verdala u mill-Banca Giuratale waqt li l-pubbliku jkun qiegħed jiltaqa’ mal-President.
Il-ktieb ikopri l-ħajja tal-President mit-tfulija sal-Presidenza, taħt il-lenti ta’ min segwieh, ħadem fil-qrib tiegħu jew analizzah. L-istorja ta’ tifel, li ommu u missieru rabbew żewġt itfal oħra li sfaw bla ġenituri, li ra t-tbatija u għamel żmien emigrant l-Awstralja mal-familja. George Abela, l-avukat, fl-isports, fit-trejdunjoniżmu, fil-politika, fil-volonarjat, President. President li laqa’ lill-magħrufin u lill-imbikkmin. George Abela li għex qalb in-nies. F’qalb in-nies.
Il-President żar lill-ħaddiema ta’ Print It fejn bħalissa għaddej il-proċess tal-istampar tal-ktieb. Hu segwa l-istampar li għaddej biex il-ktieb ikun fl-idejn fi tmiem din il-ġimgħa. Il-President George Abela ra d-diversi stadji differenti ta’ kif jinħadmu l-kotba paperback u hardback. Hu rringrazzja lill-ħaddiema li jkunu qed jagħmlu xogħol wara l-kwinti, mingħajr ħadd ma jkun jaf bihom iżda li għandhom sehem importanti biex ktieb jitwassal f’idejn il-qarrejja.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en