Left arrow Go Back

IMNIEDI RAPPORT DWAR IL-PRODOTT TURISTIKU TA’ PAJJIŻNA

pr140596
Date Icon 25/03/2014

Mitejn u tletin sett ta’ rakkomandazzjoni għal titjib li jkopru firxa wiesgħa tal-prodott turistiku Malti

Il-Gvern nieda rapport dwar il-prodott turistiku bil-għan li pajjiżna jersaq aktar lejn prodott ta’ kwalità f’dak li joffri lit-turisti filwaqt li jassigura li l-iżvilupp turistiku jkun wieħed sostenibbli.

Ir-rapport ikkummissjonat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li tħejja mill-konsulent George Micallef jipproponi xejn anqas minn mitejn u tletin sett ta’ rakkomandazzjoni għal titjib li jkopru aspetti differenti tal-prodott turistiku Malti.

Waqt it-tnedija tar-rapport fis-sit tal-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella saħaq fuq l-importanza li pajjiżna joffri prodott turistiku li jgħinna nikkompetu fuq il-kwalità u mhux fuq il-prezz. Fisser kif pajjiżna ma jistax iserraħ fuq in-numri pożittivi li kellna sa issa u għaldaqstant irid dejjem jibqa’ jtejjeb l-esperjenza tat-turist li jiġi jżurna biex din tkun waħda pożittiva.

Karmenu Vella semma’ kif bi prodott sajfi u dak xitwi, pajjiżna jista’ jnaqqas il-problema tal-istaġjonalità, filwaqt li minnu nnifsu prodott xitwi jassigura li jkollna industrija turistika li tkun attiva u li tħalli l-qliegħ is-sena kollha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci spjega kif apparti l-impenn li tara li jkun hemm aċċessibilità adegwata lejn Malta u li jsir il-marketing neċessarju, l-Awtorità trid tassigura wkoll li pajjiżna joffri prodott attraenti li jilħaq l-aspettazzjonijiet tat-turisti.  Huwa fisser kif terz tat-turisti li jaslu Malta jkunu qed jagħmlu dan għal aktar minn darba.

Fi preżentazzjoni li għamel, is-Sur George Micallef semma’ kif ir-rapport li jikkonsisti fi ħdax-il kapitlu jevalwa s-sitwazzjoni preżenti filwaqt li jagħmel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li eventwalment għandhom jgħinu biex isir pjan t’azzjoni. 

Fost l-oħrajn ir-rapport jidentifika setturi li b’mod regolari jissemmew mit-turisti b’mod negattiv fosthom dak tal-infrastruttura u li jkopri l-istat tat-toroq, bankini, tabelli, trasport u livell baxx ta’ ndafa. Ir-rapport janalizza wkoll iz-zoni turistiċi madwar il-gżejjer Maltin u l-mod kif permezz ta’ strutturi apposta, tkun tista’ ssir il-manutenzjoni li hemm bżonn, fl-istess ħin li jibqa’ jkun hemm l-infurzar neċessarju.

Oqsma oħra koperti fir-rapport jinkludu analiżi dwar l-iżvilupp tal-prodott turistiku f’Għawdex, public private partnerships, l-importanza tal-kwalità u standards li jinkludu anke t-taħriġ, l-importanza ta’ amalgamazzjoni bejn marketing u product development fil-livelli kollha u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda turistiċi. Dawn jinkludu fost oħrajn turiżmu kulturali, gastronomija, turiżmu mediku, turiżmu għall-ġbid tal-films, edukazzjoni terzjarja u turiżmu reliġjuż. Barra minn hekk, ir-rapport jisħaq ukoll fuq il-bżonn li l-iżvilupp tal-prodott turistiku jkun immudellat fuq il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

Fil-ġimgħat li ġejjin, dan ir-rapport mistenni jkun diskuss mal-istakeholders, Ministeri u aġenziji tal-Gvern differenti kif ukoll ma’ dawk kollha involuti fl-industrija turistika.

Dettalji tar-rapport jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għat-Turiżmu www.tourism.gov.mt

Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu s-Sur John Borg.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow