Left arrow Go Back

PROĠETT LI SE JAGĦTI ARJA NADIFA U KONTIJIET ORĦOS

pr140581
Date Icon 24/03/2014

Esperti jikkonfermaw li l-Gvern qed jimxi mad-direttivi Ewropej u skont l-aqwa standards ta’ saħħa u sigurtà.

Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma huwa sodisfatt għall-fatt li l-bord tal-MEPA ħareg il-permess għall-proġett tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bil-gass. Matul il-laqgħa pubblika li saret illum u li fiha l-bord tal-MEPA iddeċieda b'maġġoranza favur dan il-progett ħareġ bl-aktar mod ċar kif il-Gvern qed jagħti prijorità massima lis-saħħa u s-sigurtà tar-residenti.

Dan ikkonfermawh anke esperti li kienu preżenti u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku u dawk kollha interessati fil-proġett.

Matul il-laqgħa pubblika ħareġ biċ-ċar ukoll kif f'dan il-proġett, il-Gvern qed jimxi mad-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-liġijiet ta’ pajjiżna. Dan kien ikkonfermat mill-espert Grieg Dr George Papadakis innifsu li kien preżenti biex jirrispondi għall-mistoqsijiet ta' dawk prezenti inkluż tal-membri tal-bord tal-MEPA. Dr George Papadakis huwa espert internazzjonali li ġie mqabbad mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-direttiva ta’ Seveso.

Huwa spjega kif qed jttieħdu l-ogħla standards ta' sigurtà u protezzjoni tal-ambjent tal-madwar.

Ġie spjegat ukoll kif saru diversi simulazzjonjiiet minn naħa ta’ Transport Malta kif ukoll wave motions studies li urew li dan il-proġett mhux se jfixkel lil port milli jopera inkluż l-Oil Tanking u l-Freeport.

B’dan il-proġett mhux biss se jkollna arja nadifa mill-ġenerazzjoni tad-dawl imma se jwassal ukoll biex ikollna kontijiet tad-dawl u ilma orħos għall-familji.

Permezz ta’ dan il-proġett se jonqsu bin-nofs il-gassijiet velenużi fl-arja, filwaqt li t-trab fl-arja se jonqos b’aktar minn 90%. Se nkunu qed intejjbu l-ammont ta’ emissjonijiet li nipproduċu filwaqt li nsaħħu s-security of supply ta’ pajjiżna. Dan il-proġett se jagħtina l-opportunità li niddiversifikaw il-mix tal-enerġija f’pajjiżna u nnaqsu l-ispiża tal-ġenerazzjoni u l-ispejjeż, sitwazzjoni li se twassal biex inqajjmu fuq saqajha l-Enemalta.

Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma huwa sodisfatt li b’dan il-proġett se jkollna stabbiltà fil-prezzijiet u se jirnexxilna nraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan fl-istess ħin li qed nassiguraw l-ogħla standards ta’ sigurtà u protezzjoni ambjentali.

B’rabta ma’ dan il-proġett saru l-istudji kollha neċessarji li wrew bl-aktar mod ċar numru ta’ benefiċċji ambjentali fosthom titjib fl-ambjent tal-ilma tal-Ħofra ż-Żghira, titjib fl-arja u titjib fis-saħħa tan-nies. Minn barra dan kien ikkonfermat li l-operazzjonijiet fil-port ta’ Marsaxlokk se jibqgħu għaddejjin.

Il-Ministeru għall-Enerġija kkonferma l-impenn tiegħu li jibqa’ għaddej bl-istudji dwar il-feasibility tal-pipeline tal-gass għall-pajjiżna biex dan ikun jista' jintuża bħala alternattiva.

Dan il-proġett huwa parti mill-pjan tal-enerġija ta’ dan il-gvern, ħidma li diġa giet iċċertifikata minn credit rating agencies internazzjonali bħal Standard and Poor's li faħħret l-isforzi li qed jagħmel il-gvern f'dan il-qasam.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow