Left arrow Go Back

LEZZJONIJIET FL-ISKEJJEL DWAR VOT 16

pr140561
Date Icon 22/03/2014

Meta kien qed jindirizza l-laqgħa għas-Sindki organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qal li minn Ottubru li ġej l-iskejjel tagħna se jkunu qed jipprovdu lezzjonijiet dwar il-Vot 16. Huwa qal ukoll li l-ġimgħa d-dieħla se jkollna t-tieni qari dwar l-emenda imressqa fil-parlament sabiex iż-żagħżagħ ta’ sittax-il sena jingħataw id-dritt għal vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Marzu tas-sena 2015.

“Dan huwa pass importanti ħafna li permezz tiegħu se nkunu qegħdin nippreparaw iż-żagħżagħ sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-vot tagħhom. Għalhekk kien importanti li ninvolvu liż-żagħżagħ direttament mal-Kunsilli Lokali. Iż-żagħżagħ għandhom ħafna enerġija u ħafna ideat u dan jista’ jkun ta’ benefiċċju kbir għal Kunsilli Lokali,” tenna Herrera.

Tkellem dwar il-gwardjani lokali fejn qal li l-akbar uġiegħ ta’ ras f’dawn l-aħħar xhur hija r-riforma tal-Gwardjani Lokali. Qal li bħalissa l-Gvern qed jiġbor l-informazzjoni kollha sabiex jitressqu l-emendi fil-liġi li permezz tagħhom insaħħu din is-sistema li għal żmien twil baqgħet ma rnexxiliex tilħaq il-livell mixtieq. Herrera qal li riforma pożittiva għandha twassalna għal sistema fejn il-gwardjan lokali jkun ta’ aktar għajnuna għaċ-ċittadin. “Riforma li trid tibdel is-sistema li għandkom illum minn waħda tqila u tiswa ħafna flus għal waħda ħafna aktar ġusta”, tenna Herrera.

Herrera qal li din ir-riforma qed tagħti l-opportunità li nisimgħu lil kulħadd. “Bdejna minn dawk involuti fis-sistema u komplejna nisimgħu lill-poplu u se nibqgħu nagħmlu dan sa nofs April. Però wara din id-data se nkunu qegħdin nevalwaw il-kummenti kollha li jkunu daħlu sabiex fl-aħħar niddeċiedu kif għandna nipproċedu. Nassigurakom li se nkun qiegħed nagħti widen għal kull kumment li sar u se nibqa’ niddiskuti, speċjalment magħkom sakemm hemm bżonn”, qal is-Segretarju Parlamentari.

Herrera qal li l-għan tar-riforma huwa li tkun waħda ta’ suċċess, li ma tkunx bħal ta’ qabilha imma tkun riforma li toffri servizz  ta’  kwalità. Riforma li tkun kredibbli u sostenibbli, li tħares l-ambjent u l-postijiet ambjentali u tħares il-buon ordni, fl-istess ħin li teduka lin-nies.

Josè Herrera ħabbar ukoll li wara din ir-riforma huwa se jipprezenta ideat għal riforma dwar lir-rwol tar-Reġjuni u kif dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal Kunsilli Lokali.

“Il-ħidma tagħna trid tkun waħda li tikkumplimenta u għalhekk se nkun qiegħed b’mod immedjat niftaħ din id-diskussjoni magħkom, ” tenna s-Segretarju Parlamentari.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow