20 SKOLA MADWAR MALTA U GĦAWDEX JIRĊIEVU FONDI BIEX IWETTQU PROĠETTI MARBUTA MALL-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA
Għoxrin skola madwar Malta u Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw minn fondi biex iwettqu proġetti edukattivi u innovattivi b’rabta mall-konservazzjoni tal-ilma. Dawn il-fondi se jkunu qed jingħataw bħala parti mill-kampanja edukattiva ‘Catch the Drop’ u li hija ffinanzjata mill-Bank Internazzjonali HSBC u li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma.
Il-Ġimgħa filgħodu fi Pjazza Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta, il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, flimkien ma’ HSBC organizzaw attività b’differenza li għaliha attendew diversi studenti minn skejjel differenti li qegħdin jipparteċipaw f’din il-kampanja. Matul din l-attività, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta, is-Sur Mark Watkinson flimkien mas-Sur Joseph Montebello, il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, ippreżentaw il-fondi lill-istudenti minn skejjel differenti.
Minn naħa tiegħu, is-Sur Joseph Montebello qal li permezz tal-kampanja ‘Catch the Drop’ qed tinżera’ ż-żerriegħa fost it-tfal biex jedukaw ruħhom u jitgħallmu jagħmlu l-aħjar użu mill-ilma, li huwa riżors limitat ħafna f’pajjiżna.
Din l-attività kienet parti minn serje ta’ attivitajiet li qed jorganizza bħalissa l-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ilma li jiġi ċċelebrat fit-22 ta’ Marzu. L-attivitajiet, li qed isiru taħt tinda li ntramat quddiem il-bini tal-Qorti, jinkludu diversi taħdidiet edukattivi u informattivi dwar l-użu sostenibbli tal-ilma, u li fihom qed jipparteċipaw diversi stakeholders li huma nvoluti f’dan il-qasam, fosthom il-Malta Water Association.
L-attivitajiet b’rabta mal-Jum Dinji tal-Ilma mistennija jintemmu s-Sibt 22 ta’ Marzu b’diskussjoni pubblika b’rabta mat-tfassil tal-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Ilma.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en