STQARRIJA KONĠUNTA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA
Il-kompetittività u r-Riforma tal-Ġustizzja diskussja mal-Isħab Soċjali
Matul il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li saret illum ġiet diskussa l-kompetittività. Din kienet l-ewwel fost sensiela ta’ laqgħat fuq din it-tema. Fit-tieni parti ta’ din il-laqgħa ġiet diskussa wkoll ir-riforma fil-ġustizzja.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarjiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli fetħet il-laqgħa billi tkellmet fuq ir-relevanza ta’ dawn iż-żewġ temi u kif jorbtu ma’ xulxin. Dr Dalli qalet li r-riforma fil-ġustizzja se tkun qed tgħin biex Malta ssir aktar kompetittiva. Sistema ġudizzjarja effiċjenti u effettiva tgħin biex tħajjar aktar investituri jiġu Malta, filwaqt li waħda ineffiċjenti tiskoraġġihom.
Dr Dalli semmiet kif anke l-Kummissjoni Ewropea ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li Malta għandha bżonn riforma fil-qasam tal-ġustizzja permezz tal-country specific recommendations b’mod partikolari fejn jidħol dewmien biex jiġu deċiżi kawżi li ma jkunux ta’ natura kriminali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr Owen Bonnici qal li sabiex ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja tkun waħda li tagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu huwa essenzjali li l-isħab soċjali jkunu parteċipi f’dan il-proġett. Dan għaliex l-isħab soċjali jirrappreċentaw l-aspirazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini f’pajjiżna.
Dr Bonnici qal li l-Gvern irid li jkollna amministrazzjoni tal-ġustizzja li tkun b’saqajha mal-art sabiex terġa’ tikseb lura l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi. Qal ukoll li s-sistema tal-ġustizzja għandha tkun waħda li twieġeb għad-domandi tal-lum u mhux tal-bieraħ u waħda li tassigura kontabbilità fuq in-nies li jmexxu lil pajjiżna favur politika nadifa.
F’din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni s-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja għamel preżentazzjoni tal-miri ewlenin tal-Gvern fejn tidħol ir-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja abbażi tar-rapport finali magħmul mill-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li ġie ppreżentat lill-Gvern f’Novembru li għadda. Ġie spjegat li nħolqot entità msemmija JURIC (Justice Reform Implimentation Committee) li tiġbor fiha l-istakeholders ewlenin f’dan is-settur li għandha l-għan li tiddiskuti internament kull proposta sabiex wieħed jassigura kunsens wiesa’ kemm jista’ jkun.
Il-Professur Kevin Aquilina, li qed jassisti lill-Gvern fil-proċess ta’ implimentazzjoni tar-rapport finali, qal li l-mira hi l-450 proposta jiġu implimentati fuq medda ta’ tliet snin u ta rendikont dettaljat tal-programm Governattiv fuq dan is-settur.
Il-Professur Joe Falzon ta preżentazzjoni ibbażata fuq il-kontribut tas-sħab soċjali wara li dawn intalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq kif tista’ tiżdied il-kompetittività ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en