L-IŻVILUPP TAL-POTENZJAL TAL-PARK TAL-FAMILJA: OPPORTUNITAJIET AKBAR GĦALL-FAMILJI MALTIN U GĦALL- KUMMERĊ
Id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex fil-ġranet li ġejjin tinħareġ espressjoni ta’ interess għall-iżvilupp tal-potenzjal tal-Park tal-Familja, hija waħda strateġika. Dan qalu l-Ministru Leo Brincat, Ministru responsabbli għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-tibdil fil-Klima.
Din l-espressjoni ta’ interess saret bl-iskop ewlieni li jinħolqu opportunitajiet akbar ta’ divertiment u sfog għall-familji Maltin li jżuruh, kif wkoll sabiex jingħata spazju u nifs akbar għal inizjattivi ġodda fil-qasam tal-kummerċ f’pajjiżna.
Din sejra tkun espressjoni ta’ interess b'differenza. Dan għaliex minflok tkun intiża biss biex toffri opportunitajiet ġodda għal min jixtieq jieħu sehem kummerċjali fl-iżvilupp ta' dan il-park, għandha għan ieħor ewlieni. L-ghan hu li din l-espressjoni ta’ interess tinkoragixxi intraprendituri u nies fin-negozju b’ideat friski, ġodda u innovattivi biex jersqu ’l quddiem sabiex permezz ta’ process trasparenti jkunu jistgħu saħansitra jipproponu ideat ġodda u innovattivi, b’żieda ma’ dawk l-attivitajiet eżistenti li sejrin jiġu identifikati fl-espressjoni ta’ interess stess.
Jekk dawn l-ideat ġodda jkunu milqugħa minn tim ta’ aġġudikazzjoni fil-Ministeru, dawn jkunu inklużi wkoll fil-proċess tas-sejħa tal-offerti li tinħareġ aktar tard din is-sena.
Kollox sejjer isir bi trasparenza sħiħa ħalli ħadd ma jingħata l-ġenb, u kulħadd ikollu opportunità ndaqs li jressaq ’il quddiem l-proposti tiegħu. Dan sakemm min jagħmel dan ikun serju u impenjat bis-sħiħ li jtejjeb il-prodott jew is-servizzi offruti liċ-ċittadini li jżuru dan il-park.
Dan huwa mudell li tħaddem digà b’tant suċċess f'għadd ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej kemm qrib tagħna kif ukoll fit-tramuntana tal-Ewropa.
Ir-responsabbiltà aħħarija tal-Family Park sejra tibqa’ tal-Gvern Malti.
Il-flus iġġenerati sejrin imorru għall-iżvilupp tal-park innifsu.
Sadanittant l-aċċess għall-park sejjer jibqa’ wieħed bla ħlas. Inklużi dawk iż-żoni li sejrin jiġu kkummerċjalizzati.
Ovvjament ħlief għall-aċċess għas-servizzi ġodda li sejrin jiġu introdotti u pprovduti mis-sieħba l-ġodda kummerċjali. Wieħed anke jikkonsidra faċilitajiet sportivi. Tabilħaqq jidher li fil-madwar jeħtieġu faċilitajiet sportivi akbar.
Fost iż-żoni li ser jiġu proposti għall-kummerċjalizazzjoni tal-park hemm:
- L-Istallel
- Ir-Rock Climbing Area
- Ir-Restaurant Area u Tea Rooms
- Iż-żona madwar il-Kappella
- il-Farm Area magħrufa bħala l-Animal Area
- l-Amfiteatru u l-Pillbox
- Iż-żona miftuħa għall-attivitajiet fil-beraħ
u l-Agricentre.
Il-Gvern ilu jistudja dwar dan il-kunċett ġdid u innovattiv għal xi żmien, iżda ħass li ma kienx ikun jagħmel sens li dan isir qabel ma biss jiġi żgurat l-aċċess għal persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll li jinkiseb iċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà għal post.
Dan kollu juri li huwa kuntrarju għal qlajjiet li kienu nxterdu bi skop ħażin fosthom li l-Gvern kellu hsieb iwarrab u saħansitra jżomm magħluq dan il-park għax infetaħ taħt amministrazzjoni oħra. Kif twiegħed wara l-elezzjoni ġenerali, t-tir waħdieni kien u jibqa’ dak li l-poplu mhux biss ikollu l-aktar u l-akbar tgawdija tal-park, izda wkoll li dan ikun jista’ jopera bl-aktar mod sostenibbli, kreattiv u innovattiv.
L-espressjoni ta’ interess se toħroġ nhar it-30 ta’ Marzu u t-tagħrif u l-formoli meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, fi Triq Ħal-Qormi, Santa Venera.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en