IMPENN BIEX TKOMPLI TISSAĦĦAĦ IL-KOOPERAZZJONI EKONOMIKA BEJN MALTA U L-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona, li bħalissa qed imexxi delegazzjoni Maltija fl-Emirati Għarab Magħquda, illum kellu laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Abu Dhabi.
Il-Ministru Cardona f’laqgħa li kellu mal-Viċi Chairman tal-Kamra tal-Kummerċ, Khalfan Saeed Al Kaabi, qal li din id-delegazzjoni minn Malta għandha l-intenzjoni tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika li diġa teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul il-laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Abu Dhabi saru preżentazzjonijiet mis-Sur Mario Galea, mill-Malta Enterprise, mis-Sur Kenneth Farrugia, Chairman ta’ Finance Malta, mis-Sur Jonathan Cardona Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta u mis-Sur Aaron Farruġia Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation.
Min-naħa tiegħu s-Sur Tonio Casapinta, f’isem il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta qabel mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Abu Dhabi li jinħatar Forum Ekonomiku bejn iż-żewġ naħat, kif ukoll iffirma Memorandum of Understanding li mistenni jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat.
Il-Ministru Chris Cardona, matul din il-laqgħa, kellu wkoll l-opportunita’ jitkellem dwar id-diskussjonijiet importanti li kellu mal-Ministru tal-Ekonomija tal-Emirati Għarab Magħquda, Sultan bin Saeed al Masouri, fejn iż-żewġ pajjizi qablu li jaħtru kumitat konġunt bil-għan li jidentifika strateġiji ekonomiċi li jwasslu għal tkabbir ekonomiku.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en