DELEGAZZJONI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI TATTENDI KONFERENZA INTERNAZZJONALI
What Europe Stands for: Growth, jobs and rights: will the European Union rise to the Occasion?
Fit-tieni sessjoni tal-konferenza ta’ jumejn li saret fil-Parlament Taljan f'Ruma bit-titlu What Europe Stands For: Growth, jobs and rights: will European Union rise to the Occasion? tkellem id-deputat Laburista u Whip tal-Gvern, l-Onor. Carmelo Abela li rrefera għall-importanza ta’ din is-sessjoni li ddiskutiet id-drittijiet fundamentali fl-istati Membri, fejn il-pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu analiżi ta’ kif il-valuri li nemmnu fihom nistgħu npoġġuhom aktar fil-prattika.
Għal konferenza attendiet delegazzjoni mill-Kamra tad-Deputati mmexxija mill-Ispeaker tal-Parlament l-Onor. Anġlu Farrugia u kienet tinkludi wkoll lill-Onor. Frederick Azzopardi.
Fid-diskors tiegħu, l-Onor. Abela rrefera għall-isfida tal-persuni vulnerabbli li qal li hija sfida li l-Ewropa trid titkellem dwarha u aktar minn hekk tieħu azzjoni ħalli jitnaqqas il-faqar, speċjalment ta’ gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-anzjani. Filwaqt li huwa tajjeb li l-miri u d-dixxiplina fiskali jinżammu ħafna drabi dan qed isir b’dannu għall-għajnuna u l-benefiċċji soċjali lil dawn l-istess persuni.
L-Onor. Carmelo Abela tkellem ukoll fuq l-issue tal-immigrazzjoni fejn fakkar li Malta hija f'xifer il-konfini tal-UE fin-naħa t’isfel tal-Ewropa. Minbarra l-obbligi internazzjonali li Malta dejjem żammet, hemm ukoll obbligi lejn l-istess ċittadini tal-pajjiż. Is-sistema tal-immigrazzjoni mhux aktar sostenibbli speċjalment għal pajjiż żgħir bħal Malta fejn 2,000 immigrant irregolari f’pajjiżna huwa ekwivalenti għal mijiet ta’ eluf f’pajjiżi ferm akbar minna.
Sa ftit żmien ilu l-isfida tal-immigrazzjoni lanqas biss kienet fuq l-aġenda tal-UE. Illum grazzi għal ħidma ta’ Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra, mhux lanqas il-Greċja u l-Italja li matul din is-sena għandhom il-Presidenza tal-istess Unjoni Ewropea, l-issue tal-immigrazzjoni tinsab mill-ġdid fuq l-aġenda.
L-Onor. Carmelo Abela semma li f’Diċembru tas-sena li għaddiet il-Kunsill Ewropew qabel fuq numru ta’ azzjonijiet. Issa huwa l-waqt li dawn jiġu implimentati. Iżda huwa mportanti li l-pajjiżi Membri fl-UE jifhmu li l-issue tal-Immigrazzjoni hija issue kollettiva u li kull pajjiż stat membru jagħmel il-parti tiegħu. Iżda hemm bżonn ta’ bidliet oħra fosthom fejn jidħol il-mekkaniżmu addottat mill-Unjoni Ewropea, tiġdid fl-Aġenzija Frontex, emendi għal Dublin II u li l-burden sharing ma jibqax jiġi meqjus bħala burden shifting imma li kull pajjiż jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en