ESTENSJONI TAD-DATA SA META JISTGĦU JIĠU PPREŻENTATI TALBIET QUDDIEM IL-‘GRIEVANCES UNITS’
B’referenza għall-istqarrija għall-istampa PR140220 maħruġa fis-7 ta’ Frar 2014, dwar il-Grievances Units li l-Gvern waqqaf fid-diversi Ministeri tiegħu biex jistħarrġu wkoll talbiet dwar allegati inġustizzji mressqa minn uffiċjali jew impjegati pubbliċi li rtiraw mis-servizz pubbliku, qiegħed jiġi avżat illi d-data sa meta l-Grievances Units ser ikunu qed jirċievu talbiet għall-investigazzjoni qiegħda tiġi estiża sa nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Marzu 2014. Dan qiegħed isir minħabba n-numru ta’ talbiet li qegħdin jitressqu quddiem l-istess Grievances Units.
Kif diġà ntqal, dawn il-Grievances Units qegħdin jistħarrgu talbiet dwar allegati inġustizzji li seħħew fis-seba’ snin li għaddew kif ukoll talbiet dwar inġustizzji li jkunu seħħew qabel dan il-perjodu imma li l-konsegwenzi tagħhom affettwaw negattivament lil min ikun qed iressaq it-talba matul is-seba’ snin li għaddew.
Uffiċjali u impjegati pubbliċi rtirati għandhom iressqu t-talba tagħhom fis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru li jkunu ħadmu l-aħħar fih qabel irtiraw, u dawn it-talbiet għandhom kemm jista’ jkun jinkludu magħhom id-dokumenti kollha relatati. Kull talba għandha titressaq bil-kitba u fiha għandha tkun imfissra t-talba u l-allegata inġustizzja. Meta persuna tkun qed tressaq talba, awtomatikament tkun qed tawtorizza lill-Grievances Unit li taċċessa dokumenti relatati ma’ min ressaq it-talba.
Qiegħed jiġi mfakkar illi talbiet dwar inġustizzji li dwarhom ikunu ddeċidew diġà Tribunali tal-Qorti m’għandhomx jiġu ppreżentati lill-Unit. Dan iżda jgħodd sakemm ma jiġix ippreżentat tagħrif ġdid dwar il-każ li allura jkun jimmerita stħarriġ tal-istess talba imressqa u sakemm id-deċiżjoni meħuda mit-tribunal ma tkunx ġiet implimentata mill-amministrazzjoni u allura l-inġustizzja mhux irranġata.
Huwa mtenni wkoll illi f’każi fejn talba dwar inġustizzja tkun diġà ngħatat fehma dwarha mill-Ombudsman, il-Unit tista’ biss tinvestiga t-talba jekk il-fehma tal-Ombudsman ma tkunx ġiet implimentata u/jew l-inġustizzja rranġata. F’kull każ iżda, il-Unit se tieħu inkonjizzjoni d-deċiżjoni tat-tribunali tal-Qorti jew il-fehma tal-Ombudsman.
Kemm-il darba ma jkunx meħtieġ mod ieħor, il-Units ser jistħarrġu u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom fuq kull talba mressqa fi żmien xahrejn minn meta t-talba tkun ġiet imressqa.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en