BŻONN TA COMMONWEALTH AKTAR ATTIV FIL-QASAM TAL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI
Id-Deputat Prim Ministru jitkellem dwar l-irwol tal-Commonwealth sena qabel ma Malta tospita ċ-CHOGM
It-Tnejn filgħaxija id-Deputat Prim Ministru Louis Grech tkellem dwar il-valur tal-Commonwealth f’attività li saret fil-Ministeru għal-Affarijiet Barranin fejn kien qiegħed jirrappreżenta wkoll lill-Ministru George Vella li kien msiefer fuq xogħol tal-Gvern.
Id-Deputat Prim Ministru ngħaqad mal-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit Rob Luke u mal-Kummissarju Għoli Awstraljan Jane Lambert biex ifakkar fil-kisbiet li għamlet l-organiżazzjoni.
Huwa faħħar ix-xogħol li tagħmel il-Commonwealth u qal li għandu jkun hemm sforz biex dan jkun aktar viżibbli.
Hu semma l-ħidma fl-edukazzjoni, l-għajnuna teknika, u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll fil-bini tad-demokrazija u favur il-paċi.
Is-Sur Grech qal li dan, però, mhux biżżejjed għax jemmen li l-Commonwealth għandu jsemma’ leħnu u jkun attiv iżjed internazzjonalment, speċjalment fil-qasam tal-kummerċ.
Minn attività kummerċjali ikbar bejn il-pajjiżi membri, għal-ħidma ta’ ko-ordinazzjoni dwar ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ u diskussjonijiet dwar l-ekonomija. Fejn hawnhekk il-Commonwealth jista’ jippreżenta ħsieb globali u mhux biss ta’ xi reġjun jew ieħor.
Ħaġa oħra li għandha tingħata attenzjoni, fi kliem id-Deputat Prim Ministru, hija l-aġġornar tal-organiżazzjoni biex tkun aktar rilevanti fid-dinja tal-lum, kif ukoll biex tuża l-enerġija u l-entużjażmu taż-żgħażagħ biex tilqa’ għall-isfidi li għandha.
Id-Deputat Prim Ministru spiċċa d-diskors tiegħu b’referenza għas-summit tal-Commonwealth (CHOGM) li se jsir f’Malta is-sena d-dieħla u qal li Malta qiegħda tistenna bil-ħerqa li taħdem ma’ sħabha fil-Commonwealth.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en