L-EDUKAZZJONI TA’ ULIEDNA DWAR ID-DRITTIJIET TAGĦHOM BĦALA KONSUMATURI HIJA KRUĊJALI BIEX IKOLLNA SOĊJETÀ FEJN IĊ-ĊITTADINI JKUNU KONXJI AKTAR DWAR ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAGĦHOM
L-edukazzjoni ta’ uliedna dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi hija kruċjali biex ikollna soċjetà fejn iċ-ċittadini jkunu konxji aktar dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, waqt ċeremonja ta’ għoti ta’ ċertifikati lill-parteċipanti ta’ kompetizzjoni dwar l-għarfien tal-konsumatur tar-rivista ‘Sagħtar’, organizzata mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).
Il-Ministru Dalli qalet li wara assenza ta’ diversi snin, huwa ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra qed nerġgħu naraw il-paġna dwar il-konsumaturi f’din ir-rivista tant popolari mal-istudenti u l-familji Maltin u Għawdxin.
Dr Dalli qalet li hija dejjem tagħmel enfasi fuq il-fatt li l-edukazzjoni trid tibda sa minn età żgħira – kemm fil-familja, kif ukoll fl-iskola. Hi appellat lill-ġenituri preżenti biex jifhmu l-importanza li t-tfal tagħna jitrawwmu f’ambjent fejn ikunu jafu bid-drittijiet tagħhom u jkunu assertivi meta dawn id-drittijiet jiġu mittiefsa.
L-edukazzjoni tal-konsumatur illum hija parti mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali. Dan it-tagħlim qed jingħata fis-suġġetti tal-Personal and Social Development, il-Home Economics u l-Istudji Soċjali.
Bħalissa dan il-Kurrikulu qed ikun rivedut u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qegħdha f’diskussjonijiet mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni sabiex l-edukazzjoni tal-konsumatur tkun aġġornata sabiex tirrifletti aktar ir-realtajiet ġodda tal-lum, inkluż il-qafas legali l-ġdid li qed naħdmu fih.
Dalli qalet li proġett ieħor li l-MCCAA qed tagħti kontribut fih huwa l-proġett tal-Kummissjoni Ewropea, imsejjaħ ‘Consumer Classroom’. Dan huwa sit komunitarju għall-għalliema li fih jiġbor librerija estensiva ta’ riżorsi, minn madwar l-Ewropa, dwar l-edukazzjoni tal-konsumaturi. Dan joffri wkoll għodod interattivi sabiex l-għalliema jibnu u jaqsmu lezzjonijiet mal-istudenti u ma’ għalliema oħra.
Il-Kummissjoni Ewropea tħares lejn dan il-proġett bħala mezz kif tinxtered aħjar l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.
Permezz tal-‘Consumer Classroom’ qed tiġi organizzata kompetizzjoni bejn l-iskejjel, li bħala suġġett għandha “Xiri Online – Kun af biżżejjed biex tieħu l-aħjar deċiżjonijiet”.
Dr Dalli qalet li l-edukazzjoni m’għandhiex limitu ta’ età. Din trid tkun proċess kontinwu matul il-ħajja. Wara kollox l-għarfien tas-soċjetà dwar l-affarijiet tal-konsumatur, inkluż il-liġijiet, jibqgħu jinbidlu matul iż-żmien.
Hi qalet li filfatt, inizjattiva li nieda l-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena hija li waqqaf information kiosks f’ċentri kummerċjali differenti biex jikber l-għarfien tal-konsumaturi ta’ kull età.
Dan apparti inizjattivi oħra tal-MCCAA, fosthom kampanja edukattiva, seminars li jkunu organizzati regolarment għall-pubbliku, artikli fil-gazzetti, u l-produzzjoni tar-rivista ‘L-Għażla’ li titqassam fid-djar u n-negozji kollha ta’ Malta u Għawdex.
L-edukazzjoni tal-konsumaturi trid tkun miftuħa għal kulħadd.
Il-Ministru Dalli qalet li rridu nkunu sensibbli għall-persuni vulnerabbli, bħal ma’ huma t-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll nies li għandhom il-problema tal-illitteriżmu, fost l-oħrajn.
Din iċ-ċeremonja kienet organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-MCCAA fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en