Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-GVERN

pr140422
Date Icon 06/03/2014

Riżultati pożittivi fil-qasam tax-xogħol u l-ekonomija

Bejn Marzu 2013 u Ottubru 2013, in-numru ta' impjiegi full-time żdied b'2,343, iġifieri żieda ta' 11-il impjieg full-time kuljum. Din ir-rata ta' tkabbir hija d-doppju ta' dik irreġistrata bejn Marzu 2008 u Marzu 2013 taħt l-amministrazzjoni preċdenti.

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw li l-aċċelerazzjoni fin-numru ta' impjiegi full-time seħħet fil-maġġoranza tagħha fis-settur privat. Fil-fatt kien biss wieħed minn kull ħames impjiegi ġodda li kien mas-settur pubbliku. B'kuntrast, fl-aħħar ħames xhur tal-amministrazzjoni preċedenti, n-numru ta' impjiegi full-time fis-settur pubbliku żdiedu b'954, kważi tnejn minn kull ħames impjiegi ġodda.

L-istatistika tindika wkoll li bejn Marzu 2013 u Ottubru 2013 kien hemm żieda ta' 309 self-employed, b'kuntrast mat-tnaqqis ta' 66 self-employed li kien reġistrat fl-aħħar ħames xhur tal-amministrazzjoni preċedenti.

B'mod simili, filwaqt li fl-aħħar ħames xhur tal-Gvern preċedenti kien hemm żieda ta' 12 fin-numru ta' impjiegi f'Għawdex, fis-seba xhur ta' wara kien hemm żieda ta' 287. Dan ifissier li r-rata ta' tkabbir ta' impjiegi f'Għawdex matul l-ewwel perjodu ta' din l-amministrazzjoni kienet sitt darbiet akbar mir-rata medja osservata taħt Gvern preċedenti bejn Marzu 2008 u Marzu 2013.

Filwaqt li taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel kienu jkunu l-impjiegi part-time li juru l-ogħla rata ta' tkabbir, taħt din l-amministrazzjoni t-tkabbir fl-impjiegi full-time qiegħed jisboq bil-kbir it-tkabbir fin-numru ta' impjiegi part-time. Dan huwa żvilupp pożittiv li se jwassal għal qligħ ferm ogħla għall-familji Maltin.

L-istatistika maħruġa llum tikkonferma d-deċiżjoni meħuda lbieraħ mill-Kummissjoni Ewropea li jitwaqqaf il-proċess ta' skrutinju ta' pajiiżna fejn jidħlu żbilanċi makroekonomiċi. Fil-bidu tal-2013 il-Kummissjoni kienet inkwetata fuq numru ta' problemi ekonomiċi li kellu pajjiżna. Frott l-azzjoni ta' din l-amministrazzjoni dawn id-dubbji tneġġew u minflok il-Kummissjoni ħarġet b'assessment pożittiv ferm ta' pajjiżna.  

Il-Kummissjoni Ewropea rrimarkat li “the Maltese economy continues to outperform the Euro area.....following a two-year period of moderation, the economic activity regained pace in 2013." Dan jikkuntrasta mal-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna hija ħażina u teħtieġ attenzjoni immedjata.

L-istess rapport jinnota li “total and youth unemployment have remained stable, well below the euro-area average”. Din l-analiżi wkoll ġġib fix-xejn l-alarmiżmu tal-Oppożizzjoni fuq is-sitwazzjoni tax-xogħol f’pajjiżna.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni Ewropea tirrimarka li, filwaqt li fi snin preċedenti l-inflazzjoni f’Malta kienet ogħla minn dik fiż-żona Ewro, is-sitwazzjoni issa se tinbidel bid-deċiżjoni tal-Gvern li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma minn dan ix-xahar. Għal darboħra, din il-konklużjoni xxejjen id-dubji li ilha xxerred l-Oppożizzjoni li din l-amministrazzjoni mhix se tnaqqas il-piż esaġerat tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma li kienet imponiet l-amministrazzjoni preċedenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow