IL-GVERN IMPENJAT LI JOĦLOQ IL-GREEN JOBS
F’Dubai, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-Gvern Malti jinsab impenjat li joħloq Green Jobs fl-isfond tal-Ekonomija l-Ħadra. Dan qalu meta kien qed jiġi intervistat f'Dubai mill-UNEP (United Nations Environment Programme). Il-Ministru Brincat fisser kif qed jiġi msawwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-istess Gvern Malti għal dawn it-tip ta’ xogħlijiet.
Il-Ministru Brincat li kien qed jattendi l-ewwel Konferenza globali dwar partnership għall-azzjoni dwar l-Ekonomija l-Ħadra tal-UNEP, fuq stedina tal-Ministru tal-Ambjent tal-Emirati Għarab Magħquda, ltaqa’ mal-Prim Ministru u Viċi President tal-Emirati Sheikh Mohammed Bin Rashid Al Maktoum.
Nhar l-Erbgħa huwa kellu taħdidiet f’Abu Dhabi dwar t-tisħiħ tar-relazzjonijiet strateġiċi bejn iż-żewġ pajjiżi ma’ Sheika Lubna bint Khalid Al Qasimi li hija l-Ministru tal-Emirati responsabbli mill-kooperazzjoni Internazzjonali u mill-Iżvilupp.
Aktar kmieni huwa indirizza s-seduta plenarja tal-Konferenza fl-isfond tad-diskussjoni li kien hemm fil-ġurnata ta’ qabel dwar il-finanzjament privat u l-investiment għall-ħolqien tal-Green Jobs flimkien mat-tkabbir u t-tkattir tal-Ekonomija l-Ħadra.
Waqt l-istess żjara l-Ministru Brincat żar ukoll En-Park f’Dubai li hija Business Park ta’ Tecom Investments li tiffaċilita t-tkabbir tal-kummerċ fl-oqsma tal-Ambjent u l-Enerġija. Hemmhekk huwa kellu taħdidiet mad-Direttur Eżekuttiv tal-Park.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en