Left arrow Go Back

IMĦABBRA N-NOMINA GĦALL-PRESIDENT TAR-REPUBBILKA TA’ MALTA

pr140400
Date Icon 04/03/2014

President li taħdem man-nies u r-ruħ soċjali għall-pajjiż kollu

Il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza fil-Berġa ta’ Kastilja,  ħabbar in-nomina ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President tar-Repubblika Malta. Hu spjega kif din in-nomina hi storikament importanti għax wara 32 sena se jerġa’ jkollna President mara u b’hekk se noqorbu pass ieħor lejn it-twelid tat-tieni Repubblika. 

Il-Prim Ministru sostna li Marie Louise Coleiro Preca ħa tkun President li taħdem man-nies u mhux President taċ-ċerimonji. Se sservi ta’ ruħ soċjali u punt ta’ riferiment kemm għall-Gvern kif ukoll għall-pajjiż kollu.

Il-Prim Ministru sostna li Marie Louise Coleiro Preca tirrapreżenta dak kollu li wieħed ifittex f’Kap ta’ Stat ta’ pajjiż u għaldaqstant għażel li jinnomina lilha. Hu spjega kif Coleiro Preca hi neċessarja għax pajjiżna għandu bżonn Kap ta’ Stat li għandu l-enerġija u li jikkontribwixxxi bl-aktar mod ħaj għas-soċjetà taghna.

Għalhekk Marie Louise Coleiro Preca mhux se tmexxi biss l-avventimenti importanti tas-sena, imma se jkollha sehem fil-Presidenza Maltija tal-UE u se tkun qed issegwi x-xogħol li qed isir mill-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Barra minn hekk, għal din id-darba il-Gvern se jkun qed jagħti rwol differenti lill-Presidenza. Marie Louise Coleiro Preca se jkollha rwol attiv fl-aġenda soċjali tal-pajjiż, u l-Gvern se jagħtiha l-għodod sabiex tkun tista’ twettaq dan il-ġid fost il-poplu Malti. Marie Louise Coleiro Preca se jkollha taħt idejha:

·         L-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Faqar

·         Il-Food aid programme

·         Il-Forum Nazzjonali tal-Familja

·         Il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja

·         Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Politika tat-Tfal

·         Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika

·         Il-Kummissjoni kontra l-abbuż tas-sustanzi

·         L-Agenzija Nazzjonali għall-prevenzjoni

Il-Prim Ministru spjega li Coleiro Preca se tkun qed isservi ta’ role model għall-ħafna tfajliet u żgħażagħ li se jkunu qed jikbru f’pajjiż bi President mara.

Il-Prim Ministru qal li Marie Louise Coleiro Preca se tkun President li tiġbed lejha n-nies u tgħaqqad il-poplu u b’hekk tkompli tibni fuq ix-xogħol tal-President George Abela. Coleiro Preca se tkun President li tissimbolizza l-aqwa valuri tagħna l-Maltin u l-Għawdxin li huma msejsa fuq il-valuri ta’ familja.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Marie Louise Coleiro Preca, spjegat li f’ħajjitha l-aspirazzjoni tagħha dejjem kienet li tkun man-nies u sservi lin-nies u qatt ma kellha aspirazzjoni li tilħaq President. Madanakollu, quddiem din ir-responsabbiltà, hi tħossha lesta biex isservi l-poplu Malti b’mod li tagħti importanza lill-valuri li jgħaqqduna.

Il-Ministru  lesta li taħdem sabiex isservi ta’ katalista biex  l-għaqda fil-poplu Malti u Għawdxi tkompli tikber.  Hi spjegat kif għalkemm il-poplu Malti hu poplu żgħir fin-numru , għandu valuri kbar. Għalhekk hi lesta biex taħdem qatigħ sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jżomm quddiem għajnejh il-valuri li jgħaqqduna u jidentifikawna bħala poplu kbir, b’hekk l-għaqda f’pajjiżna ma tkunx f’funzjonijiet Nazzjonali biss.  Coleiro Preca tixtieq li l-imħabba li trabbiet fiha fil-familja tagħha, twassalha f’kull rokna u f’kull dar ta’ Malta u Għawdex.

Diskors: pr140400a.pdfpr140400a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow