IMNEDIJA T-TIENI PARTI TAL-ISKEMA TA’ FINANZJAMENT GĦALL-KUNSILLI LOKALI U L-KUMITATI REĠJONALI BIEX JITTELLGĦU ATTIVITAJIET GĦALL-ĦOLQIEN TA’ LOKALITAJIET SOSTENIBBLI
Mqassma awtorizzazzjonijiet li b’kollox jammontaw għal €250,000 f’fond li qed jitmexxa bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu
Wara li f’Ottubru li għadda kienet imnedija skema ta’ finanzjament għall-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Reġjonali sabiex dawn jiġu mgħejjuna jorganizzaw attivitajiet sostenibbli fil-lokalitajiet, illum waranofsinhar kienet imnedija t-tieni parti ta’ din l-iskema.
F’konferenza tal-aħbarijiet fit-Teatru Manoel fil-Belt, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma kif il-Gvern qed jagħti l-appoġġ tiegħu għal żvilupp kulturali u ħolqien ta’ attivitajiet artistiċi li jkunu wkoll informattivi u edukattivi.
Il-Minsitru Vella saħaq fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali jtellgħu wkoll attivitajiet li jikkonservaw drawwiet antiki f’pajjiżna u anke attivitajiet li jinkoraġixxu l-parteċipazzjoni attiva. Minnhom infushom dawn l-attivitajiet jgħinu wkoll biex titqajjem l-attività ekonomika u kummerċjali fl-irħula u l-ibliet tagħna.
Fid-dawl tal-avveniment li pajjiżna se jkun qed jiċċelebra fl-2018 bit-titlu tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kulturali Ewropea, il-Ministru Karmenu Vella enfasizza l-punt li wħud mill-attivitajiet għandu jkollhom element ta’ innovazzjoni, fejn possibiliment anke tkun organizzata attività nazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ bosta Kunsilli Lokali.
Karmenu Vella tenna li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol mill-aktar importanti fil-prodott turistiku Malti fosthom fit-tixrid tal-arti u l-kultura. Fl-istess waqt fisser kif l-attivitajiet għandhom ikunu mifruxa matul is-sena kollha biex b’hekk pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku tiegħu fix-xhur tax-xitwa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Jose’ Herrera qal li llum il-Gvern awtorizza numru t'attivitajiet biex isiru mill-Kunsilli Lokali.
Huwa qal li bi preparazzjoni għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u l-Valletta 2018, huwa importanti li jkollna attivitajiet lokali u nazzjonali b'saħħithom biżżejjed biex ifakkru dawn l-avvenimenti importanti.
F’dan ir-rigward qal li jixtieq jara aktar lill-Kunsilli Lokali involuti fil-Valletta 2018.
Jose’ Herrera faħħar l-impenn tal-kunsilliera u s-sindki li jħallu lil-lokalità tagħhom aħjar milli sabuha. "Nemmen li intom il-persuni li għandkom il-ħeġġa u d-determinazzjoni għax għandkom il-polz taċ-ċittadini f'idejkom," temm jgħid Jose’ Herrera.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci, il-Konsulent fis-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Michael Cohen kif ukoll bosta Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en