STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
Ippreżentat it-tieni rapport tal-Bord tal-Inġustizzji fl-Armata. Il-maġġoranza tal-każi huma ġustifikati. Il-Bord jingħata terminu ieħor biex ikun jista’ jinvestiga każijiet li jmorru seba’ snin lura.
Il-maġġoranza tal-każijiet investigati dwar inġustizzji fl-armata li seħħew fil-passat, kienu ġustifikati. Dan ħareġ waqt il-preżentazzjoni tat-tieni rapport fuq Inġustizzji fl-Armata mill-Bord tal-Inġustizzji.
Dan it-tieni rapport jinkludi 112-il każ, filwaqt li l-ewwel rapport li kien preżentat f’Diċembru li għadda, kien fih 101 każ. Maġġoranza ta’ sittin fil-mija tal-każijiet fiż-żewġ rapporti kienu każijiet ġenwini. Dan ifisser li jrid jingħata rimedju għalihom għax fil-passat saru inġustizzji ċari fl-Armata bħal pereżempju ma ngħatawx promotions mistħoqqa jew inkella kien hemm trattament mhux xieraq inkluż offiżi verbali u inġustizzji oħra.
Waqt il-preżentazzjoni, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia ħabbar li dan il-Bord ser jingħata terminu ieħor sabiex ikun konformi mal-Bordijiet tal-Inġustizzji li l-Gvern waqqaf f’kull ministeru u li jirċievu lmenti li jmorru lura għal seba’ snin. Hekk kif qabel ingħata l-estensjoni, il-Bord kellu struzzjonijiet biex jirċievi lmenti li jmorru lura sa ħames snin.
Il-Bord tal-Inġustizzji fl-Armata li waqqaf il-Ministru Mallia kien effetivament l-ewwel bord tal-Inġustizzji li ħoloq dan il-gvern. Dan l-istess Bord li issa għandu t-terminu tiegħu estiż, ser jinvestiga wkoll ilmenti li diġà ġew sottomessi, u għadhom ma ġewx eżaminati. Minn 318 ilment, s’issa l-Bord tal-Inġustizzja investiga 213–il każ.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en