Left arrow Go Back

IL-GVERN JINVESTI FIL-FAMILJI GĦAWDXIN

pr140259
Date Icon 15/02/2014

Dalgħodu l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo flimkien mal-Ministru għal Familja u Solidarjetà Soċjali Marie Louise Coleiro Preca għamlu żjara fil-housing estate Taċ-Ċawla biex jaraw ix-xogħolijiet ta’ manutenzjoni li qed isiru.

B’dawn ix-xogħolijiet ibbenefikaw 16-il familja, bil-Ministeru għal Għawdex jinvesti medja ta €800 għal kull familja.

Għal diversi snin din żona tħalliet fi stat ta’ abbandun fejn il-kwalità tal-għixien kienet degradanti u fi stat ta’ periklu għal min jgħix f’dawn l-appartamenti. Sa mill-bidu ta’ din il-leġislatura il-Gvern sema’ l-bżonnijiet ta’ dawn ir-residenti u għal dawn l-aħħar tliet xhur beda ħidma bis-sħiħ biex isir xogħol ta’ tisbiħ u manutenjzoni f’diversi oqsma.

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo semma kif il-Gvern qiegħed juri bil-fatti l-interess veru li għandu lejn il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti. Dr Refalo qal kif huwa kommoss bil-ħtieġa kbira ta’ għajnuna soċjali li għandhom bżonn dawn ir-residenti Għawdxin. Huwa saħaq li l-Ministeru tiegħu ħa jibqa’ miftuħ biex jisma’ l-bżonnijiet ta’ dawn ir-residenti. Wara li ġew identifikati tliet blokkijiet oħra, il-Ministru għal Għawdex qal li huwa impenjat biex jitkompla x-xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’din iż-żona. B’hekk jibqa jingħata sostenn lil dawk li jinħteġilhom għajnuna.

Minn naħa tagħha l-Ministru Coleiro Preca tkellmet dwar it-tbatija u s-sens ta’ esklużjoni soċjali li kienet tinhass f’din iz-zona.

Fl-aħħar żjara tagħha f’din il-housing estate l-komun ta’ kull Blokka kien tħalla dilapitat, b’nuqqas ta’ sigurtà u serħan il-moħħ għar-residenti hekk kif il-bibien tal-komuni lanqas biss kienu jingħalqu tajjeb.

Issa, qalet il-Ministru, nistgħu nserrħu ras numru ta’ familji li wliedhom qed jgħixu f’post iktar sikur, denju u nadif.

‘Qegħdin nagħtu d-dinjità lura lil dawn il-familji’, qalet il-Ministru Coleiro Preca, ‘iżda mhux se nieqfu hawn.’

Iż-żewġ Ministeri se jkomplu jaħdmu id f’id bil-għan li x-xogħolijiet jitkomplew bil-għan li l-familji kollha f’din iż-żona jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża. Huma qalu li l-Gvern se jkompli jinvesti f’din iż-żona biex is-soċjetà Maltija tkun verament waħda ġusta li twieżen lil kull min huwa fil-bżonn.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow