“PROGRAMM AMBIZZJUŻ TAL-FIERI GĦAS-SENA 2014 LI JIRRIFLETTI L-OTTIMIŻMU EKONOMIKU LI HAWN FIL-PAJJIŻ” – SEGRETARJU PARLAMENTARI DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS
Is-Segretarju Parlamentari ghall-Kompettivita’ u Tkabbir Ekonomiku,. Edward Zammit Lewis attenda l-attivita’ fl-MFCC fejn tnieda il-kalendarju tal-avvenimenti u esebizzjonijiet tagħha li huma kkonfermata sa Ġunju ta’ din is-sena. F’din l-attività s-Segretarju Parlamentari Dr. Edward Zammit Lewis indirizza lil diversi organizzaturi u nies fil-kummerċ.
F’diskors li għamel waqt din l-attività, is-Segretarju Parlamentari sostna li l-Gvern qiegħed jagħti l-ispazju kollu tiegħu lil kull esebitur u organizzatur għal kull inizjattiva ambizzjuza speċjalment f’suq zgħir bħal Malta. L-avvenimenti kollha huma kruċjali mhux tal-fieri kbar biss imma kull tip ta’ avveniment speċifiku qed jingħatlu importanza u din hija parti mill-politika tal-Gvern. Dan is-suq huwa rwol importanti fl-istrateġija tal-Gvern għal tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tax-xogħol u għal aktar investiment produttiv.
Bħala parti mill-miżuri li ser jieħu il-Gvern biex ikompli jippromwovi din l-industrija huwa li joffri strutturi adegwati u mill-aqwa biex nattiraw avvenimenti fuq livell wiesgħa lejn pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa ta’ sodisfazzjon li jara inizjattivi li tikkumplimenta l-politika tal-Gvern li tippromwovi din l-industrija biex tkompli ssaħħaħ l-ekonomija Maltija u toħloq aktar impjiegi. Kull tip ta’ negozju huwa utli u kollha għandhom x’joffru lis-soċjetà tagħna. Għalhekk għandhom dejjem ikunu kreattivi u ma jibżgħux jieħdu inizjattiva. Madankollu huwa fakkar li illum il-ġurnata l-kompetizzjoni mhijiex biss dik lokali izda dik Ewropeja u anke b’mod Globali.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li qed nikkomettu ruħna li nibqu nkunu ta’ sostenn u dan billi fost l-oħrajn naraw li kemm huwa possibli tkun evitata l-burokrazija żejda. Dan billi jigu riveduti regolamentazzjonijiet u liġijiet li ma’ jagħmlux sens għan-negozju u li ħafna drabi ixekklu inizjattivi tajbin milli jissaħħu. F’dan ir-rigward dan il-Gvern huwa it-tarka ta’ kull negozjatur biex jiffaċilita l-ambizzjonijiet tiegħu.
Dr. Edward Zammit Lewis qal li l-poplu Malti huwa ottimist u qed naraw sinjali pożittivi fil-potenzjali li joffri pajjiżna. L-indikaturi ewlenin tat-tkabir juru li l-ekonomija qed tirkupra. Huwa rrefera għal statistika li fejn jidhol il-kummerċ dak tar-retail trade f’Dicembru tal-2013 kien hemm żieda ta’ 1.4% fuq is-sena ta’ qabel. Dan huwa rizultat pożittiv u inkoraġġanti meta wieħed iqis li matul l-istess perjodu, il-pajjiżi taz-Zona Ewro sofrew inżul negattiv ta’ 1.6%
Is-Segretarju Parlamentari awgura lil esebituri u organizatturi għal aktar suċċess u qal li dan huwa biss frott tal-ewwel xhur ta’ Gvern ġdid. Dan għadu biss il-bidu u għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Il-Gvern huwa ppreparat li jwettaq dak kollu li wiegħed. Dan huwa l-ewwel pass fi triq ta’ ħidma bla heda li ser tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ poplu ambizzjuż imma ħabrieki u li jekk jingħata n-nifs, dan se jsib il-milja vera tiegħu għax għandu Gvern li jwieżnu u jinċentivah. Qegħdin inkunu innovattivi u noħolqu proġetti ġodda, nfitxxu niċeċ ġodda li nistgħu nespandu fihom. Dan il-Gvern qed jappoġġja kumpaniji li jagħtu isem tajjeb lil pajjiżna, billi jgħin fil-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u jipprovdu impjiegi ta' kwalità .
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en