STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Tal-mistħija kif l-Oppożizzjoni tkompli ddawwar il-każ ta’ Farrugia Sacco f’ballun politiku
Il-Gvern għal darb’oħra juri d-diżapprovazzjoni assoluta tiegħu li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħżel li jkompli jdawwar il-każ tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco f’ballun politiku meta jaf li l-Prim Ministru għamel dak kollu li hu fis-saħħa tiegħu biex imexxi l-proċeduri ta’ impeachment ‘il quddiem u meta jaf li l-Parlament, bħal kull istituzzjoni oħra f’soċjetà demokratika li tħaddan valuri Ewropej, trid timxi ma’ dak li tgħid il-liġi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li qed iqarraq meta jakkuża lill-Gvern li b’xi mod qed jipprova jostakola l-proċess ta’ impeachment għaliex kien l-iSpeaker, meta mitlub mill-Oppożizzjoni stess, li ta r-ruling li bih qal li l-mozzjoni oriġinali “mietet”. Immedjatament kif il-mozzjoni ġiet iddikjarata “mejta” l-Prim Ministru ippreżenta mozzjoni oħra dak il-ħin stess.
Il-Gvern jinnota li l-iSpeaker ftit qabel ta r-ruling ippubblika wkoll parir tal-Professur Ian Refalo li qal li l-mozzjoni oriġinali “mietet” u jekk tiġi rijavvivata bi qbil bejn iż-żewġ naħat trid tgħaddi mill-proċedura maħsuba fl-Att dwar il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Il-Gvern privatament kien ikkonsulta lill-Professur Kevin Aquilina li wasal għall-istess konklużjoni, liema konklużjoni l-Professur Aquilina bagħatha diġà għall-pubblikazzjoni f’ġurnal lokali. Huwa tajjeb jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidilna min tah il-pariri u jekk hux lest li jippubblika l-pariri li ngħatawlu. Jekk ma jgħidilniex allura nikkonkludu li, bħall-kwistjoni taċ-ċittadinanza, il-Kap tal-Oppożizzjoni jew jistrieħ fuq pariri ta’ nies sigrieti u anonomimi jew inkella jippreferi li jisparla bl-addoċċ basta jagħmel ħafna ħoss.
Il-Gvern jistaqsi wkoll: x’irid il-Kap tal-Oppożizzjoni? Irid li ż-żewġ naħat tal-Kamra jisfidaw id-deċiżjoni tal-iSpeaker u jibqgħu għaddejjin? Irid li bħalma għamel fil-kwistjoni tar-revoka taċ-ċittadinanzi jibqa’ jisparla u jikser dak li tgħid il-liġi u jpoġġi lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż f’pożizzjoni prattikament indifensibbli jekk tittieħed quddiem Qorti barranija?
Ikun tajjeb jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidilna f’liema oqsma oħra, jekk jiġi fdat bit-tmun tal-pajjiż, behsiebu wkoll jikser u jirfes fuq il-liġi.
Wieħed jappella iktar maturità u għaqal mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Fin-nuqqas ta' dan l-Oppożizzjoni tkun għal darb'oħra qed turi li tilgħab logħba politika partiġġjana, anke fi kwistjoni daqstant sensittiva.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en