IR-REĠISTRAZZJONI TAL-MICROSOFT ADVANTAGE SCHEME ESTIŻA SA NHAR IT-TNEJN 17 TA' FRAR
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis jilqa’ b’mod pożittiv li l-‘Microsoft Student Advantage Scheme’ se tiġi estiża għal ġimagħtejn oħra’
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis qal li l-Microsoft Student Advantage Scheme kienet waħda ta’ suċċess u għalhekk laqa’ b’mod pożittiv li tiġi estiża biex b’hekk ikomplu jintlaqgħu aktar applikazzjonijiet mingħand l-istudenti. Ir-rispons kien wieħed tajjeb u l-ammont ta’ applikazzjonijiet li daħlu s’issa huwa stmat li huwa tliet darbiet aktar mill-iskema preċedenti.
Din l-iskema qed toffri l-aħħar verżjoni tal-Microsoft Office Productivity Suite b'xejn lil 40,000 student Malti, u li l-valur ta’ din l-iskema jiswa’ madwar €99 għal kull student fis-sena. Dan ifisser li madwar €4 miljun ġew investiti għal din l-inizjattiva grazzi għal ftehim bejn Microsoft Malta u l-Malta Information Technology Agency (MITA), f'isem il-Gvern Malti.
Edward Zammit Lewis sostna li huwa jinkoraġixxi lill-istudenti eliġibbli kollha li għadhom m’ applikawx biex jagħmlu dan sabiex jieħdu vantaġġ mill-Microsoft Office Productivity Suite b’ebda spiża addizzjonali ta’ liċenzjar. “Diġà rċivejna numru sostanzjali ta' applikazzjonijiet minn studenti li ssottomettew l-ismijiet tagħhom, imma nixtiequ li l-istudenti kollha li huma intitolati biex japplikaw minnufih. Għalhekk biex nassiguraw li l-messaġġ tagħna jasal għand kull student b’kull mod possibbli, il-MITA u Microsoft Malta qed iħabbru li din l-iskema se tiġi estiża sas-sbatax ta’ Frar li ġej”, qal Dr. Edward Zammit Lewis.
L-iskejjel kollha statali, kemm primarji u sekondarji, u l-istudenti tal-MCAST se jibbenefikaw direttament permezz ta’ din l-iskema. Madankollu, il-Gvern huwa fil-proċess ta' negozjati sabiex din l-iskema tiġi estiża biex studenti li jattendu skejjel tal-knisja u indipendenti jibbenifkaw minn din l-iskema wkoll.
Ir-reġistrazzjoni għal din l-iskema hija sempliċi u biex student jibbenifika minn din l-iskema m’hemmx bżonn li jmur jistenna fi kju bħal ma kien jiġri fi skemi ta’ qabel. Studenti li jattendu skejjel tal-Istat jew MCAST diġà rċevew email fuq il-mailbox akkademiku tagħhom fejn intbagħtet informazzjoni relatata kif ukoll kodiċi ta’ verifika u distinitiv. Għalhekk kull student għandu jżur is-sit www.mita.gov.mt/studentadvantage biex jirreġistra. Mix-xahar id-dieħel il-Microsoft Malta se tibgħat email b’aktar informazzjoni ta’ kif wieħed għandu juża s-software ta’ Student Advantage.
Is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis qal li l-iskop ta’ din l-iskema hu li jinkiseb l-aħjar edukazzjoni u ħiliet siewja għaż-żgħażagħ Maltin biex jgħinhom ahjar meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol u b’hekk ikunu jistgħu javvanzaw fil-karrieri rispettivi tagħhom. Permezz tas-sistema edukattiva qed inħejju lill-istudenti tagħna minn stadju bikri biex jersqu aktar lejn l-ekonomija diġitali, industrija li aktar ma tmur qed tkompli tikber fl-importanza tagħha. Dan jgħin biex aktar studenti jkunu aktar kwalifikati u mħarrġa fil-qasam tat-teknoloġija u l-ICT.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en