KOMPETIZZJONI TAL-FOTOGRAFIJA ORGANIZZATA MID-DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, Dr. José Herrera, tkellem fuq il-bżonn li nagħmlu forom ta’ arti bħalma hija l-fotografija aktar aċċessibbli.
“Għalkemm din hija r-raba’ sena li qed tiġi organizzata din il-kompetizzjoni, ittieħdet deċiżjoni li l-premju jitqassam f’għaxar premijiet li jingħataw kull xahar. B’hekk qegħdin inżommu l-interess ħaj kif ukoll qegħdin inqassmu l-opportunità fuq firxa aktar wiesgħa. Dan jorbot ukoll max-xogħol li qed isir fuq it-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kreattività u opportunitajiet ġodda fil-qasam artistiku.”
Tliet snin ilu, id-Dipartiment tal-Informazzjoni organizza kompetizzjoni biex jintgħażel poster dwar l-għoti tad-demm. Il-poster rebbieħ filfatt għadu jintuża fil-kampanji għall-għoti tad-demm li jsiru minn żmien għal żmien. Sentejn ilu, id-DOI organizza wkoll kompetizzjoni tal-fotografija dwar il-gżejjer Maltin għall-professjonisti u dilettanti. Għaliha kienu daħlu mat-345 fil-kategorija tad-dilettanti u 91 fil-kategorija tal-professjonisti. Is-sena l-oħra saret il-kompetizzjoni tal-arti bit-tema ta’ “Gvern Miftuħ” li għaliha, bejn tfal, żgħażagħ u adulti, ħadu sehem mal-erbgħin parteċipant.
Is-sinjura Diane Oswald, Direttur tad-Dipartiment għall-Informazzjoni tat informazzjoni fuq din il-kompetizzjoni. “Din is-sena l-kompetizzjoni se tkun mill-ġdid fotografika u bħala suġġett għandha lil Malta u l-ħajja Maltija. Kull xahar se jkun abbinat ma’ tema partikolari bħal per eżempju l-Belt Valletta.”
Il-kompetizjoni ser tkun mifruxa fuq għaxar xhur, bejn Frar u Novembru ta’ dis-sena. Kull xahar se jkun hemm ir-rebbieħ tat-tema partikolari magħżula. Il-Premju għar-rebbieħ tax-xahar se jkun elf Ewro. Kull min hu interessat li jipparteċipa irid itella’ ritratt fuq Facebook, Twitter jew Instagram. Ir-ritratti eliġibbli se jgħaddu għand panel professjonali li se jagħtihom il-punti, fost affarijiet oħra, skont il-kwalità, l-oriġinalità, il-kompożizzjoni tar-ritratt u r-relevanza mat-tema magħżula.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en