Left arrow Go Back

IL-GVERN HUWA KOMMESS LI JARA LI S-SENA 2014 TKUN WAĦDA TA’ SUĊĊESS FIS-SETTUR TAT-TURIŻMU B’KONTINWAZZJONI TA’ IMPENN SĦIĦ MINN DAWK KOLLHA INVOLUTI

pr140109
Date Icon 23/01/2014

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jbassar tkabbir ta’ 2% fl-ammont ta’ passiġġieri għall-2014 - medja ta’ 4.1 miljun passiggier

Is-sena 2013 kienet sena mill-aktar pożittiva għall-qasam tat-turiżmu fejn pajjiżna mhux biss esperjenza żidiet fl-ammont ta’ turisti matul ix-xhur tradizzjonali tas-sajf, iżda wkoll tkabbir fix-xhur ta’ Ottubru u Novembru magħrufa bħala shoulder months. Dawn ir-riżultati jpoġġu sfida akbar għal din is-sena fuq dawk kollha involuti fis-settur turistiku.

Sostna dan il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella f’konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn kienu elenkati riżultati mill-aktar pożittivi għall-Ajruport ta’ Malta matul is-sena li għaddiet, kif ukoll tbassir ta’ figuri għal din is-sena fejn jidħlu ammont ta’ passiġġieri.

Il-Ministru Vella semma kif l-2013 kienet sena pożittiva anke għal-linji tal-ajru nfushom fosthom dawk li bdew joperaw lejn Malta għall-ewwel darba bħall-Wizz Air u t-Turkish Airlines.

Huwa saħaq li r-riżultati miksuba fil-qasam turistiku huma frott ta’ ħidma sħiħa bejn dawk kollha involuti fis-settur fosthom il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-kumpanija MIA li tmexxi l-ajruport.

Karmenu Vella nsista li filwaqt li dan juri li l-ħidma li qed issir hija fid-direzzjoni t-tajba, ikun żball jekk wieħed jaħseb li s-suċċess fit-turiżmu għal din is-sena se jkun wieħed awtomatiku. F’dan ir-rigward huwa appella lil dawk kollha involuti biex ikomplu jaħdmu flimkien.

Sadanittant, fi preżentazzjoni li ta, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Markus Klaushofer semma kif matul is-sena li għaddiet, l-ajruport ta’ Malta esperjenza total ta’ 4,031,502 moviment ta’ passiġġieri, liema ċifra setgħet tintlaħaq hekk kif f’Ottubru u f’Novembru waslu f’pajjiżna mal-61,000 passiġġier aktar meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2012, liema żieda tammonta għal 17.8%. Dan apparti żidiet sostanzjali esperjenzati matul ix-xahar t’Awwissu.

B’mod globali, meta mqabbel mas-sena 2013, jirriżulta li l-ajruport irreġistra żieda ta’ 10.5% fuq l-2012 u 10.2% f’żieda fis-seat capacity fuq is-sena ta’ qabel. Anke fejn għandhom x’jaqsmu ma’ aircraft movements, l-ajruport irreġistra żieda ta’ 9.1% fuq is-sena ta’ qabel.

Fejn jidħlu linji tal-ajru, jirriżulta li matul l-2013, il-linja nazzjonali Air Malta tejbet l-operat tagħha fuq l-2012 b’6% fejn huwa stmat li ġarret mal-1.76 miljun passiġġier, żieda ta’ 100,000 passiġġier fuq l-2012. Il-linja tal-ajru low cost Ryanair tejbet l-operat tagħha f’għaxra minn ħdax-il rotta, fejn dan wassal għal żieda ta’ 19.3% f’ċaqlieq ta’ passiġġieri. Min-naħa l-oħra, il-linja tal-ajru Ġermaniża Lufthansa kellha l-kbar żieda, dik ta’ 27.2% fuq l-2012.

Għal din is-sena, kien ikkonfermat kif minbarra r-ritorn tal-linja tal-ajru Ingliża British Airways, għall-ewwel darba se tibda topera minn Vjenna l-linja flyNiki. Fejn jidħlu rotot ġodda, das-sajf pajjiżna se jesperjenza rotta ġdida minn Nantes permezz tal-linja low cost Transavia u rotta oħra ġdida minn Ruma permezz tal-linja tal-ajru Vueling.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll kif għal din is-sena, il-kumpanija MIA qed tbassar tkabbir ta’ 2% fl-ammont ta’ moviment ta’ passiġġieri, liema ċifra mistennija ssarraf f’medja ta’ 4.1 miljun passiġġier.

Il-kumpanija ħabbret ukoll investiment ta’ €3.6 miljuni fil-faċilitajiet tal-ajruport fosthom espansjoni tal-rampa u taxiway li se tippermetti moviment aħjar għall-ajruplani, estensjoni tal-baggage handling fic-check-in area, tkabbir fl-akwata Non-Schengen flimkien ma’ investiment f’teknoloġija ġdida ta’ sigurtà  b’konformità mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Tħabbar ukoll kif il-kumpanija se tkun qed toffri bosta inċentivi tal-ajru b’valur ta’ €5.4 miljuni li jinkludu roħs fil-prezz tal-parkeġġ għall-ajruplani, eżenzjoni mill-ħlas ta’ landing fees matul ix-xitwa kif ukoll inċentivi għal rotot ġodda u oħrajn strateġiċi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow