JUM IS-SIĠAR FL-ISKEJJEL U T-TĦAWWWIL TAS-SIĠAR FIL-QASAM TAL-AGRIKOLTURA
Din il-ġimgħa ġie ċċelebrat jum is-siġar fl-iskejjel u għal din l-okkażjoni s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes inawgura masġar tas-siġar fi ħdan l-Għammieri. Għal din l-okkażjoni kienu mistiedna wkoll it-tfal tal-iskola biex iħawlu xi siġar, bħala attività biex jiġu inkorraġġuti jieħdu iktar interess fit-tkabbir tas-siġar.
Waqt din l-attività L-Onor.Galdes qal li t-tfal tal-lum igawdu mit-tħawwil ta’ siġar li sar f’pajjiżna matul l-għexieren ta’ snin li għaddew filwaqt li tfal tal-lum sejrin iħawlu siġar ġodda li ser isebbħu lill-pajjiżna kif ukoll jipproteġu l-ħamrija u jgħinu biex ikollna ambjent rurali aktar b’saħħtu. Fost is-siġar li tħawlu kien hemm dawk tal-Ballut, Żgħarun u s-siġra nazzjonali tal-Għargħar.
Kompla jgħid li din is-sena qed jiġi osservat sforz partikulari u mill-aktar interessanti, it-tħawwil ta’ siġra rari ħafna, ix-Xewk tal-Kuruna (Christ’s Thorn) li sfortunatatment hija kwazi estinta mill-Gżejjer Maltin ħlief għal-tliet siġriet biss. Sostna li bl-isforzi tal-Kumitat Siġar fl-Iskejjel u tad-Direttorat ta’ l-Agrikoltura tnejn minn dawn jinsabu jikbru fiċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Riċerka u Żvilupp Agrikolu tal-Għammieri u waħda xiħa fil-Ġonna ta’ Sant’Anton.
Hija x-xewqa tal-Gvern, kompla Galdes, li l-bdiewa tagħna jħawlu aktar siġar indiġeni Maltin f’dawk l-imkejjen li jkollhom raba’ mhux maħdum u l-aktar f’imkejjen li jkunu żdingati. Il-bidwi jista’ jagħti għajnuna kbira lill-ambjent naturali Malti meta jibża’ għas-siġar Maltin billi jindokkra dawk li diġà jeżiżtu u jieħu l-inizjattiva biex iħawwel aktar minnhom ukoll billi jħawwel ilqugħ tar-riħ (windbreaks) u msaġar kennija (shelterbelts). Huma dawn l-irqajja ta’ siġar li joffru gżira ekoloġika għall-ħarsien ta’ bijodiversità.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en